Żewġ leġġendi tas-snooker mondjali se jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ fil-Każin tal-Banda Peace fin-Naxxar hekk kif Tony Drago se jaffaċċja lil John Higgins f’wirja speċjali li qed tiġi organizzata biex tfakkar il-100 sena snooker ta’ dan il-klabb storiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. L-avveniment se jsir illejla u diġà qajjem interess kbir fost id-dilettanti tas-snooker f’Malta.
Il-preżenza ta’ John Higgins, wieħed mill-aktar plejers rispettati fl-istorja tas-snooker, flimkien mal-leġġenda Maltija Tony Drago, hija garanzija ta’ serata memorabbli għal dawk kollha li se jattendu. Iż-żewġ plejers għandhom storja twila ta’ ħbiberija li tmur lura għas-snin 90 meta kienu jikkompetu flimkien fuq il-professional tour.
Dan is-sit kien preżenti għall-konferenza stampa li saret ilbieraħ apparti li kellu ċ-ċans ukoll jieħu l-kummenti esklussivi kemm ta’ Drago kif ukoll ta’ Higgins.
Higgins stqarr li kien kuntent ħafna li reġa’ sab ruħu Malta u li jerġa’ jilgħab ma’ Drago, li ilu jaf għal snin twal.
“Jiena tassew kuntent li rġajt ġejt Malta,” qal Higgins. “L-aħħar darba li lgħabt hawn kienet madwar 20 sena ilu u dejjem kienet esperjenza sabiħa li nilgħab f’dan il-pajjiż. Meta Tony Drago kellimni dwar il-possibbiltà li nerġa’ niġi Malta, aċċettajt mill-ewwel.”
Higgins spjega wkoll li bħalissa l-iskeda tas-snooker tiegħu hija impenjattiva ħafna, b’kompetizzjonijiet kważi kull ġimgħa. Madankollu qal li ma setax jirrifjuta l-istedina ta’ Drago.
“Bħalissa għandi skeda mimlija b’ħafna tournaments. Però jekk kien hemm persuna waħda biss li għaliha kont lest nagħmel dan il-vjaġġ, kien proprju Tony Drago. Huwa persuna speċjali ħafna u ħabib kbir tiegħi.”
Il-plejer Skoċċiż tkellem ukoll dwar il-memorji li qasam ma’ Drago tul is-snin fil-professional tours li kkaraterizzat iż-żgħożija tagħhom.
“Inħobb ħafna lil Tony Drago għax qsamna tant mumenti sbieħ flimkien fuq it-tour. Għandi ħafna stejjer u memorji mis-snin 90 meta konna nilagħbu flimkien. Issa li qed nikbru fl-età, dejjem tkun sabiħa li nerġgħu niltaqgħu, nitkellmu u niftakru f’dawk iż-żminijiet.”
Higgins qal ukoll li Malta għandha post speċjali f’qalbu, speċjalment għax din id-darba ġie wkoll mal-familja tiegħu.
“Jiena ferħan ħafna li ġibt il-familja tiegħi miegħi. Malta hija post sabiħ ħafna u għandha post speċjali f’qalbi.”
Min-naħa tiegħu, Tony Drago qal li huwa kburi li seta’ jġib lil wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħbu s-snooker f’Malta għal din l-okkażjoni speċjali.
“L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Peace Band Club ta’ Naxxar għal din l-inizjattiva sabiħa,” qal Drago. “Meta Joseph Galea tkellimni dwar il-fatt li l-klabb kien se jiċċelebra 100 sena snooker, mill-ewwel ġieni f’moħħi isem wieħed, ħadd ħlief John Higgins.”
Drago spjega li minkejja li hemm ħafna plejers kbar fid-dinja tas-snooker, Higgins jirrappreżenta livell ta’ eċċellenza li ftit jistgħu jilħqu.
“Dan il-klabb għamel ħafna għas-snooker f’Malta. Meta ġiet l-opportunità li nġibu plejer għal din iċ-ċelebrazzjoni, ma ridtx inġib biss plejer kbir, imma xi ħadd li jirrappreżenta l-kobor ta’ dan l-isport. Għalija, dak huwa John Higgins.”
Drago tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni ta’ ħbiberija li għandu ma’ Higgins li ilha teżisti għal ħafna snin.
“Aħna dejjem kellna relazzjoni tajba ħafna. Qsamna ħafna esperjenzi flimkien fuq it-tour, ħafna vjaġġi u ħafna stejjer li llum nibqgħu niftakru bihom. Għalhekk ninsab tassew kuntent li qiegħed hawn Malta għal dan l-avveniment speċjali.”
Il-president tal-Peace Band Club, Marlon Brincat, spjega kif twieldet l-idea li jiġi organizzat dan l-avveniment storiku.
“Is-sena li għaddiet Joe Galea infurmani li fl-2026 il-klabb kien se jilħaq anniversarju importanti, 100 sena snooker fil-Peace Band Club. Huwa ssuġġerixxa li nippruvaw inġibu plejer professjonali ta’ livell għoli għal din l-okkażjoni,” qal Brincat.
Hu spjega li minnufih bdew jaħdmu biex dan il-proġett isir realtà u fittxu wkoll appoġġ biex l-avveniment ikun possibbli.
“Mill-ewwel għidt li għandna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex dan iseħħ. Għalhekk tkellimt mal-Ministru għall-Isport Clifton Grima għax l-appoġġ tiegħu kien kruċjali biex norganizzaw avveniment ta’ dan il-livell. Il-Ministru kien ta’ għajnuna kbira biex dan il-proġett jitwettaq.”
Brincat żied jgħid li l-kontribut ta’ Tony Drago kien fundamentali biex jiġi attirat plejer tal-kalibru ta’ John Higgins.
“Kien hawnhekk li avviċinajna lil Tony Drago. Hu mill-ewwel beda jaħdem fuq din l-idea u permezz tal-kuntatti tiegħu rnexxielu jġib lil wieħed mill-akbar plejers fl-istorja tas-snooker, John Higgins.”
Hu żvela wkoll li l-interess għall-avveniment kien enormi.
“Il-biljetti nbiegħu kollha fi ftit minuti biss. Dan juri kemm hemm interess kbir għal dan l-isport u kemm il-membri tagħna huma importanti għalina, għax huma l-qalb ta’ dan il-klabb.”
Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima qal li dan l-avveniment huwa opportunità sabiħa biex jiġi ċċelebrat l-isport flimkien ma’ żewġ leġġendi.
“Nixtieq nirringrazzja lill-Peace Band Club għall-ħidma tagħhom biex dan l-avveniment sar realtà,” qal il-Ministru. “Li tara rispett kbir bejn żewġ leġġendi bħal Tony Drago u John Higgins huwa ta’ pjaċir kbir, u bla dubju din il-wirja se tkun opportunità sabiħa biex niċċelebraw l-isport flimkien.”
B’din il-logħba speċjali ta’ eżibizzjoni, il-Peace Band Club mhux biss qed jiċċelebra seklu ta’ storja tas-snooker f’Naxxar, iżda wkoll qed jagħti opportunità unika lill-partitarji Maltin biex jaraw mill-qrib lil dawn iż-żewġ figuri li ħallew marka kbira fuq dan l-isport. Serata li bla dubju se tibqa’ mfakkra għal żmien twil fost dawk kollha li jħobbu s-snooker.



