Friday, May 17, 2024

Żewġ Libjani mixlija li sawtu raġel u serquh fuq tal-linja

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ Libjani baqgħu jinżammu arrestati wara li aktar kmieni tressqu l-Qorti akkużati li sawtu raġel waqt li kienu qed jisirquh fuq karozza tal-linja.

Mutez Ferjani ta’ 20 sena li jgħix l-Iklin u jaħdem bħala electrician u plumber u Salah Sabar ta’ 19-il sena jgħix il-Gżira u jaħdem bħala kaħħal kienu mixlijin li fis-16 ta’ Diċembru li għadda, għall-ħabta tas-6pm, serqu lil raġel, li kkaġunawlu ġrieħi gravi u li kellhom arma fuqhom.

Ferjani waħdu kien mixli wkoll li wettaq dan ir-reat fi żmien ta’ sentenza sospiża mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati din is-sena.

Sabar waħdu kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati din is-sena u li jumejn ilu seraq flus minn fuq mara f’każ separat fuq tal-linja.

It-tnejn li huma wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom madankollu ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukat Kenneth Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Shaun Pawney.

Sport