Team Malta rebaħ żewġ midalji fit-tieni ġurnata tal-MBC 2023 f’San Marino – il-Maltin spiċċaw fit-tielet post fil-Men’s Doubles waqt in-nisa spiċċaw fit-tieni post fil-Women’s Doubles. L-irġiel Maltin kienu Kayden Laganà u Mauro Anastasi waqt li l-par nisa Maltin kienu Sue Abela u Cynthia Frendo Duca.
Fil-Men’s Doubles, Tim Malta spiċċa s-sitt logħbiet fit-tielet post – 10 pins biss aħjar mill-par Taljan li spiċċaw fir-raba post. Fost il-Maltin, Mauro Anastasi ġab total ta’ 1200 li jiġi medja ta’ 200 kull logħba, waqt li ż-żagħżugħ Kayden Laganà spiċċa b’skor totali ta’ 1323 (ġab punteġġ medju ta’ 220.5). B’hekk, Laganà sar l-iżgħar raġel biex qatt rebaħ midalja fl-istorja ta’ dawn il-kampjonati bl-età ta’ 15-il sena u 177 ġurnata. Laganà kien ir-raba’ l-aqwa raġel f’din il-kategorija.
Fost in-nisa, Sue Abela u Cynthia Frendo Duca spiċċaw il-Women’s Doubles fit-tieni post. Il-par Maltin kienu fil-ħames post qabel ma bdiet l-aħħar logħba, iżda wara li flimkien skurjaw l-aqwa logħba bħala par f’din il-kategorija fost il-federazzjonijiet kollha, huma rnexxielhom jitilgħu tliet pożizzjonijiet biex jirbħu l-midalja tal-fidda. Fl-aħħar logħba, Frendo Duca ġabet skor ta’ 208 waqt li Abela spiċċat b’punteġġ għoli ta’ 247 – flimkien ġabu punteġġ totali ta’ 455 fl-aħħar logħba ta’ din il-kategorija.
Dawn l-atleti se jippruvaw iġibu iktar suċċess għal Tim Malta fit-tlett ijiem li ġejjin fejn għad iridu jilgħabu fil-kategoriji tal-Mixed Doubles, bħala Tim sħiħ ta’ 4, u fil-kategoriji rispettivi tal-Masters.