Saturday, November 23, 2024

Żewġ Ministeri jgħinu raġel bi ksur f’daru

Aqra wkoll

Appell iddisprat minn Brian Borg li 30 sena ilu weġġa’ gravi f’waqgħa ta’ tliet sulari … Bżonn ta’ operazzjoni delikata u akkomodazzjoni adattata

Minn CARMEN CACHIA

Il-Gvern jinsab f’ħidma biex jgħin lil Brian Borg, raġel ta’ 45 sena bi skur f’dahru, li dan l-aħħar għamel appell iddisprat għal operazzjoni delikata li għandu bżonn, kif ukoll għal abitazzjoni adattata għall-ħtiġijiet tiegħu. Minħabba li Borg huwa pazjent bi spinal cord injury huwa qiegħed jitlob għajnuna finanzjarja biex jitla’ fi sptar speċjalizzat fir-Renju Unit. Il-Ministeru tas-Saħħa informa lil L-ORIZZONT li din l-operazzjoni tista’ ssir hawn Malta, mentri l-Awtorità tad-Djar, fi ħdan il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali, taf bil-każ ta’ Brian u poġġietu fil-lista ta’ prijorità biex tinbidel il-proprjetà tal-Gvern li diġà għandu ma’ oħra aktar adattata. 

“L-aħħar tama f’ħajti biex inkun nista’ ngħix aħjar”

L-istorja ta’ Brian tmur lura 30 sena ilu meta kien għadu daqsxejn ta’ ġuvni li, flimkien ma’ sħabu, marru fil-pixxina tal-waterpolo tal-Belt biex qabel it-taħriġ jaqbżu mill-għoli. Ta’ tfajjel li kien huwa ażżarda jaqbeż minn għoli ta’ tliet sulari wara li tela’ ma’ scaffolding li kien intrama’ mad-dwal tal-istess pixxina. 

Bi sfortuna, qabel ma qabeż Brian intilef minn sensieh bil-konsegwenza li waqa’ u ġie nofsu fl-art u nofsu fil-baħar. B’wiċċu ‘l isfel fil-baħar, il-ġuvni kien se jifga għajr għall-intervent f’waqtu tal-kowċ li kellu tal-waterpolo u meta Brian reġa’ fetaħ għajnejh wara l-inċident, huwa sab ruħu wiċċu ‘l fuq fuq sodda mdawwar b’persuni li ma kienx jafhom.

Għandi bżonn saħti u l-funzjonijiet tiegħi.. ma nistax ngħix bl-uġigħ u bil-kumplikazzjonijiet li għandi

“Kissirt kollox u għamilt sebat ijiem f’koma. L-ewwel darba li kont konxju bdejt ngħajjat lil ommi għax mingħalija kont rieqed id-dar. Ġie infermier u qalli biex noqgħod kwiet għax ma kontx għand ommi iżda fl-isptar. Hawn erġajt intlift minn sensija,” irrakonta Brian.

Kif reġa’ qam huwa, li dak iż-żmien kien għadu ġuvni ta’ 15-il sena, ġie infurmat li kien involut f’inċident fil-pixxina u li qatt ma kien se jerġa’ jimxi f’ħajtu kaġun tal-ksur li sofra fil-maġġorparti ta’ ġismu. F’dak il-ħin huwa ma bekiex iżda baqa’ ssummat bix-xokk u bil-biża’ għax ma kienx jaf x’se jiġri minnu fil-futur inċert li kellu jiffaċċja. 

Wara tmien xhur rikoverat fl-isptar Brian ġie trasferit xahrejn oħra fl-isptar Boffa. Wara huwa mar jgħix għand ommu fejn qal li kien jiekol, jinħasel u jgħix fuq sufan. F’dan l-istadju Brian kien kompletament dipendenti mill-għajnuna ta’ dawk ta’ madwaru iżda minħabba li r-residenza tal-ġenituri tiegħu kienet bi tliet sulari taraġ, huwa ddeċieda li jmur jgħix għal rasu. 

Illum il-ġurnata Brian huwa raġel ta’ mezz’età u joqgħod il-Belt fejn qiegħed jipprova kemm jista’ jkun jgħix ħajja indipendenti. Is-sitwazzjoni tiegħu hija waħda iebsa u inċerta ħafna. Ir-raġel qal li ma jistax jagħmel ċerti bżonnijiet minħabba li huwa f’siġġu tar-roti fejn għandu bżonn assistenza għal ċertu tindif u li qiegħed jistenna li l-Gvern jagħtih post alternattiv. Dan minħabba li, “fejn noqgħod jien mhuwiex attrezzat għall-bżonnijiet tiegħi. M’għandix kċina tant li niekol take away biss u lanqas għandi washroom. Għandi l-moffa, ġrieden, wirdien u anke kelli xi problemi mal-ġirien,” spjega r-raġel.

Waħdu u mdejjaq…

Tul is-snin saħħet Brian marret lura għalkemm huwa pprova jiġġieled kemm jiflaħ din ir-realtà iebsa li kellu jiffaċċja minħabba żball fiż-żogħżija. Fil-bidu tad-djanjosi mit-tobba, huwa kien fil-periklu li jispiċċa f’qiegħ ta’ sodda għal għomru. Kburi jgħidilna li mhux talli ma qatax qalbu, talli anke jista’ jpoġġi, inaddaf u jinħasel waħdu. Dan dejjem b’kawtela minħabba li jekk jistrapazza jista’ jikkawża ksur jekk jagħmel ħafna sforz fuq l-għadam fraġli tiegħu.

Minħabba kwistjoni ġenetika, Brian illum il-ġurnata għandu bżonn ta’ operazzjoni delikata minħabba li fost l-oħrajn, m’għandux kontroll fuq l-urina. Din hija l-“Cystoplasty Articial Splinster” li tikkonsisti f’intervent serju li fih tinfetaħ iż-żaqq, isir bladder artifiċjali tas-silicone, jitranġaw l-imsaren u jerġgħu jinħolqu muskoli fl-istonku. 

Ir-raġel qal li m’għadx għandu d-diċenza tiegħu u jħoss li ma jista’ jagħmel xejn. Huwa qal li fl-istat li huwa, aħjar jekk tieħdu l-mewt biex jistrieħ għax ilu 30 sena jissaporti l-affarijiet. Brian minn dejjem kien kuraġġjuż u ġġieled kemm felaħ, iżda issa l-affarijiet ikkomplikaw ruħhom.

Ma kinitx l-ewwel darba li qbiżt minn għoli, iżda dakinhar kienet l-aħħar darba

Huwa qal li din l-operazzjoni ma ssirx Malta minħabba li huwa pazjent bi ksur f’dahru u wara l-operazzjoni nnfisha jeħtieġ kura minn tim speċjalizzat fuq pazjenti bi spinal cord injury, kif ukoll ward adattat. Brian spjega li dan it-tim għandu jgħinu fil-perjodu li fih jagħmel is-sessjonijiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ wara l-operazzjoni. 

Huwa għalhekk li bħalissa Brian qiegħed fil-proċess li jiftaħ fond għal ġbir ta’ fondi mill-privat. L-operazzjoni u erbat ijiem rikoveru fi sptar fl-Ingilterra tiswieh €78,000. “Jien flus f’idejja ma rridx. Għajnuna għadni ma sibtx. Issa qiegħed nappella għall-għajnuna minn xi sponsor privat biex itellgħani l-Ingilterra, nagħmel l-operazzjoni u nirritorna Malta b’ħajja dinjituża għalija, bit-tama li anke forsi xi darba nibni familja. Miġugħ kuljum u ma niflaħx nissaporti iżjed. Dan huwa tentattiv iddisprat biex forsi jkolli l-aħħar tama f’ħajti li nkun nista’ ngħix aħjar,” sostna Brian.

L-operazzjoni tista’ ssir Malta

Kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qal lil dan il-ġurnal li l-operazzjoni li għandu bżonn Brian Borg tista’ ssir f’Malta stess minn wieħed mill-ispeċjalisti barranin li jżuru Malta b’mod regolari. 

L-istess Ministeru kkonferma li Brian diġà għandu appuntament mal-ispeċjalista meta dan jiġi Malta. Bħalissa l-ispeċjalista ma jistax jiġi f’pajjiżna minħabba l-miżuri meħuda fil-pandemija tal-Covid-19, iżda meta kollox jgħaddi dan il-pazjent jista’ jinqeda mill-isptar. Il-kelliem għalhekk qal li, “għaldaqstant Brian m’għandux bżonn imur l-Ingilterra għall-operazzjoni”.

“Il-minuta li jkollna post adattat għalih nagħtuhulu”

L-Awtorità tad-Djar taf li Brian għandu bżonn ta’ abitazzjoni aktar aċċessibbli u tifhem l-urġenza tiegħu. “Il-każ tiegħu huwa wieħed ġenwin u aħna qegħdin naħdmu biex insibu l-aħjar post għall-bżonnijiet tiegħu. Irridu nsibu post li huwa verament addattat għalih għax inutli noqogħdu nċaqilquh u wara jkollna nerġgħu nċaqilquh,” spjegalna l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mckay.

Huwa qal li l-ħaddiema soċjali tagħhom iltaqgħu ma’ Brian għal diversi drabi fejn fil-passat l-Awtorità għamlet investiment ta’ eluf ta’ ewro fejn joqgħod bħalissa biex jirranġawlu l-post u anke kienet se toħroġ tender għal aktar xogħlijiet. Dan sakemm Brian talab biex minflok, tinbidillu r-residenza li għandu bħalissa għal band’oħra.

Ta’ kuljum l-Awtorità tad-Djar qiegħda tipprova ssiblu abitazzjoni aktar adattata u l-każ tiegħu huwa ta’ prijorità, però trid issib post li verament huwa tajjeb għalih minħabba li mhux se tagħtih appartament li jkun. McKay temm jgħid li, “il-minuta li nsibu wieħed, Brian jitla’ quddiem il-bord biex jiġi approvat”.

Barra dawn iż-żewġ ministeri, lil Brian Borg għenuh ukoll il-Community Chest Fund u l-Aġenzija Support. 

Sport