Mara mill-Kolombja u oħra mill-Veneżwela kienu kkundannati sentenza sospiża wara li ammettew għal akkużi relatati ma’ żamma ta’ burdell.
Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija saret taf b’dan il-burdell wara li waħda min-nisa ħassitha ħażin u talbet għall-għajnuna.
Meta marru fuq il-post, il-Pulizija rawha li kienet xurbana u wassluha fl-appartament li indikatilhom fejn fih kien hemm il-mara l-oħra.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li dakinhar, il-pulizija nnutat li l-kmamar tas-sodda tal-appartament kienu qed jintużaw għal attivitajiet sesswali.
Kien hawn fejn issoktat l-investigazzjoni fuq il-mobiles tagħhom fejn instab li kienu qed jirċievu flus b’rabta ma’ favuri sesswali.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, iż-żewġ imputati wieġbu ħatja tal-akkużi li nġiebu kontra tagħhom u kienu kkundannati sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin flimkien ma’ multa ta’ €50. Waqt l-għoti tas-sentenza, in-nisa wrew ix-xewqa li jitilqu minn Malta.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.