Suġġett li jinteressa lil bosta huwa bla ebda dubju l-kostruzzjoni f’pajjiżna. Fl-aħħar xhur dik li l-ambjentalisti rreferew għaliha bħala l-ġlieda kontra l-ħniżrija tal-iżvilupp kellha diversi żviluppi fejn fost l-aktar diskutibbli kien hemm il-proġett ta’ Hili Group propost f’Kemmuna.
Talk.mt tkellem ma’ Andre Callus bħala wieħed mill-ambjentalisti u kif ukoll ma’ Michael Stivala bħala l-President tal-Assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi biex jaqsmu magħna l-perspettivi tagħhom dwar dan l-iżvilupp propost.
“Se nibqgħu nopponu b’kull mezz kontra l-iżvilupp f’Kemmuna”
“Aħna se nibqgħu nopponu bil-kbir dan il-proġett li minkejja l-oxxenità tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li min-naħa tagħha approvat dan il-proġett, jekk kemm-il darba l-Awtorità qatt tasal biex tapprova oxxenità bħal din, aħna se niġġilduha b’kull mezz possibbli”, saħaq jgħid ma’ dan is-sit Callus rigward il-proġett propost f’sit tan-natura 2000.
Rigward il-pożizzjoni ta’ Hili Group li qed jgħidu li se jsir biss ristrutturar, Callus qalilna li “dik hix il-verità. Morru araw il-ftit bangalows li hemm. Dawn iridu jibdluhom f’19-il villa bi swimming pools magħhom. F’Santa Marija biss, f’dik il-parti l-intensità tal-iżvilupp se tiżdied b’49 fil-mija. Il-firxa ta’ art li se jieħdu se tiżdied bi 13 fil-mija li hija assolutament ġennata. Il-prijorità għandha tkun li inti tħares il-post, l-ambjent u anke l-aċċessibbiltà għan-nies u żgur li mhux inti tibni affarijiet bħal dawn”, sostna Callus.
“Il-proġett ta’ Kemmuna huwa wieħed importanti għal Malta”
Min-naħa tiegħu Stivala qal li s-sitwazzjoni kif inhi f’Kemmuna mhijiex aċċettabbli dan minħabba diversi raġunijiet fosthom bini abbandunat u nuqqas kbir ta’ faċilitajiet. Saħaq li l-Assoċjazzjoni temmen li l-proġett għandu jiġi proċessat b’tali mod li jżomm l-istess medda ta’ art u l-istess volum.
“Aħna nemmnu li l-proġett ta’ Kemmuna huwa wieħed importanti ħafna għal Malta u nemmnu wkoll li bil-frenchies li se jġibu se jkunu qegħdin jgħollu l-livell tal-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u tan-nies”, sostna Stivala filwaqt li żied jgħid li dan għandu jsir kemm jista’ jkun malajr.
Mistoqsi rigward l-għajta tal-ambjentalisti li l-footprint mhijiex se tibqa’ l-istess, Stivala qal li din mhix kwistjoni ta’ x’tgħid l-NGO jew l-Iżviluppatur għax l-awtorità responsabbli tista’ tagħmel il-kalkolu eżatt ibbażat fuq il-pjanti.
Rigward l-għajta ta’ dawk li jridu li ma jsir xejn fis-sit eżistenti, Stivala fakkar li din l-art ingħatat lill-privat xi 30 sena ilu b’ċens temporanju għal madwar 100 sena. “Dan ifisser li riċentament sidien oħra xtrawha għexieren ta’ miljuni ta’ ewro u għalhekk biex il-gvern jieħu din l-art irid jikkumpensa lill-Iżviluppatur. Naħseb jekk immorru lejn dik it-triq anke l-iżviluppatur se jieħu pjaċir imma l-verità hija li jiena nemmen li l-flus tal-poplu Malti m’għandhomx jintefqu hekk iżda f’affarijiet oħra li jħallu iktar impatt fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin”, kompla Stivala.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi saħaq li fl-irwol tiegħu huwa ma jarahiex tagħmel sens u li dawn huma għażliet li jew ħa tmur fi triq jew f’oħra, iżda kemm hi vijabbli li bniedem li xtara biċċa art mingħand il-privat, għandu dritt għaliha, tmur taqbad toħodhielu biex tagħmilha għelieqi.
“F’dan il-każ naħseb irridu nwaqqgħu Malta kollha għax naħseb id-djar tagħna xi darba jew oħra kollha kienu għelieqi”, temm jgħidilna Stivala.
Dan huwa biss suġġett wieħed minn dak diskuss fl-ewwel programm ta’ STREET TALK li se jkun qiegħed jixxandar illum fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Talk.mt illum fid-9:00 a.m. Il-programm se jinkludi suġġetti bħalma huma l-ħaddiema fl-industrija, il-kontribut tas-settur għall-ekonomija u kemm hu possibbli li persuna jixtri proprjetà fost l-oħrajn.