Sunday, November 24, 2024

Żewġ persuni akkużati li ħadu €53,000 f’benefiċċji soċjali b’qerq

Aqra wkoll

Josephine Spagnol u Aaron Caruana ġew akkużati li bejnithom kienu ħadu €53,000 f’benefiċċji soċjali b’qerq. Quddiem il-Qorti huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-pulizija kienu rċivew imejl mingħand is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn talbhom jinvestigaw ċertifikati mediċi maħruġin b’rabta ma’ applikazzjonijiet għall-benefiċċji soċjali.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li Spagnol kienet ħadet €25,000 f’benefiċċji mhux dovuti. Jirriżulta li hija kellha ċertifikati li kienu nħarġu mill-newrologa Ruth Galea. Tal-aħħar ċaħdet li kienet ħarġet dan iċ-ċertifikat mediku li fuqu tidher il-firma tagħha. Galea qalet ukoll li fis-sistema tal-pazjenti tagħha ma kellha l-ebda pazjent bl-isem tal-akkużata.

Dwar it-tieni akkużat, xehed l-Assistent Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali Martin Buhagiar.

Qal li l-akkużat applika għal dawn il-benefiċċji wara li ppreżenta ċertifikat li kien iffirmat mit-Tabib Silvio Grixtri u li fih hemm miktub li jbati mill-epilessija. L-akkużat kien beda jirċievi €104 f’għajnuna soċjali fil-ġimgħa.

Ċertifikat ieħor li kien ġie ppreżentat lill-bord mediku mill-akkużat kellu l-firma tal-newrologa Ruth Galea li wkoll ċaħdet li xi darba rat lill-akkużat.

Martin Buhagiar fix-xhieda tiegħu qal li minn Ottubru tal-2019 ‘il hawn l-akkużat kien irċieva aktar minn €28,000 f’benefiċċji soċjali.

Sport