Żewġ persuni ġew arrestati wara investigazzjoni mill-aktar kumplessa mill-Pulizija Maltija fuq grupp ta’ persuni involuti f’ċirku ta’ kriminalità organizzata ta’ trasport ta’ vetturi misruqin u li għandhom valur għoli fis-suq. Dawn il-vetturi kienu qed jiddaħħlu Malta b’dokumenti foloz minn pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u wara li jinżammu xi jiem f’Malta, jiġu trasportati lejn l-Afrika ta’ Fuq u lejn il-Lvant Nofsani.
Iż-żewġ suspettati fl-importazzjoni ta’ dawn il-vetturi, li huma ta’ nazzjonalità Libjana, ġew arrestati lErbgħa filgħaxija ftit wara li waslu Malta minn Pozzallo. Huma kienu qegħdin isuqu Toyota Land Cruiser u RAV 4 rispettivament u allegatament kienu misruqa u kellhom dokumenti foloz u modifiki fin-numru tal-VIN.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li allegatament l-istess persuni, u persuni oħra li jiffurmaw parti minn dan il-grupp ta’ kriminalità organizzata, fix xhur ta’ qabel ittrasportaw lejn il-Libja vetturi oħrajn misruqin. Fl-istess waqt, bl-assistenza tad-Dipartiment tad-Dwana, fil-ġimgħat li għaddew ġew ikkonfiskati numru ta’ vetturi oħra li ddaħħlu Malta qabel ġew kienu se jiġu trasportati lejn l-Afrika ta’ Fuq.

