Żewġ persuni ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi wara li għall-ħabta tat-7.45am seħħ inċident tat-traffiku l-Gżira.
Fi stqarrija l-Pulizija qalu li huma ġew informati b’inċident tat-traffiku fi Triq Mikiel Anton Vassalli, l-Gżira.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet kollużjoni bejn mutur Kawasaki misjuq minn raġel ta’ 50 sena residenti ġewwa l-Fgura u mara ta’ 24 minn San Pawl il-Baħar, li kienet qiegħda taqsam l-imsemmija triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, iż-żewġ persuni ġew ċċertifikati bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

