Kien għall-ħabta tas-7.00am, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Pjazza San Luqa, Gwardamanġa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Volkswagen Caddy misjuq misjuqa minn raġel ta’ 62 sena residenti l-Mellieħa u Mercedes Benz E320, li kienet wieqfa fil-ġenb tat-triq. Konsegwentement, il-Mercedes imxiet ’il quddiem u laqtet mara ta’ 41 sena residenti l-Belt Valletta.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard huma ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.