Żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar wara li kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-1:00 a.m., kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Valletta, il-Mosta.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li ġuvni ta’ 24 sena residenti Ħaż-Żebbuġ tilef il-kontroll tal-vettura Mazda li kien qed isuq, bil-konsegwenza li ħabat ma’ xi ħitan ta’ residenzi privati. Fil-vettura kien hemm ukoll ġuvni ieħor ta’ 24 sena residenti ż-Żurrieq.
Tim mediku ta l-assistenza tiegħu liż-żewġ persuni sakemm setgħu jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.