Naduri ta’ 33 sena, sofra ġrieħi gravi wara li lbieraħ għall-ħabta tat-8.00pm spiċċa allegatament f’argument ma’ Albaniż. Miegħu weġġgħet ukoll mara ta’ 42 sena min-Nadur ukoll.
Fi stqarrija l-pulizija qalu li huma ġew informati li kien hemm hemm argument fi stabbiliment fi Triq Ta’ Ċenċ, is-Sannat, Għawdex.
Dan is-sit jista’ jikkonferma li dan l-istabbiliment hu l-Kantra li jinsab taħt l-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ.
Minnufih il-Pulizija marret fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 33 sena residenti n-Nadur, b’xi ġrieħi allegatament ikkawżati bi flixkun tal-ħġieġ. Tim mediku issejjaħ fuq il-post u ambulanza hadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fl-istess waqt il-Pulizija ġiet infurmata li aktar kmieni kienet iddaħħlet l-isptar mara ta’ 42 sena min-Nadur ukoll li weġġgħet fl-istess argument.
It-tnejn li huma ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.
Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex tgħinha fl-istħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Żewġ persuni l-Isptar wara argument f’Ta’ Sannat Għawdex
Żewġ perusni kellhom jiddaħlu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li għall-ħabta tat-7.50pm tal-bieraħ allegatament kienu nvoluti f’argumenti f’Ta’ Sannat Għawdex.
Il-każ seħħ fi Triq ta’ Ċenċ hekk kif mara ta’ 42 sena u raġel ta’ 33 sena t-tnejn residenti n-Nadur allegatament kienu nvoluti f’argumenti ma’ persuni oħrajn.
Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Pulizija li kkontrollaw is-sitwazzjoni u fejn anke ntalbet l-assistena medika fejn mar tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-vittmi ttieħdu l-isptar fejn ingħataw il-kura li kellhom bżonn, u s’issa l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.
Il-Pulizija bħalissa għaddejja bl-investigazzjoni biex jiġi stabbilit minn kienu l-persuni l-oħrajn li kienu nvoluti fl-allegat argument.
Intant, għall-ħabta tal-10.00pm kien hemm argument ieħor din id-darba fi Triq ir-Rabat Marsalforn. Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-pulizija li kkontrollaw is-sitwazzjoni.
Sorsi qrib dan is-sit qalulna li l-persuni nvoluti sofrew xi ġrieħi, iżda l-kelliem għal pulizija qalulna li huma rrifjutaw l-għajnuna medika.