Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni mexxiet operazzjoni oħra ta’ ritorn sfurzat ta’ żewġt irġiel. Huma ttieħdu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu fl-Afrika ta’ Fuq.
Wieħed mill-irġiel kien iddaħħal Malta ma’ grupp ta’ immigranti irregolari matul is-sena li għaddiet. Huwa ma kwalifikax għall-protezzjoni u baqa’ jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm ġie ripatrijat.
Ir-raġel l-ieħor kien ġie miżmum mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta wara li nstab moħbi f’vapur li kien fit-territorju marittimu Malti. Malli ddaħħal f’Malta huwa wkoll ġie miżmum mill-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm saret irripatriazzjoni sfurzata tiegħu.
Jassistu l-operazzjoni kien hemm ukoll mediku mill-Aġenzija ta’ Detenzjoni u ma’ uffiċjal millBord ta’ Moniteraġġ għall-Persuni li jinsabu f’Detenzjoni.
F’Jannar, din kienet ir-raba’ operazzjoni ta’ persuni li ġew deportati b’mod sfurzat wara li ma kellhomx id-dritt li jirrisjedu fit-territorju Malti u Ewropew.

