Ilbieraħ filgħodu, mara ta’ 30 sena u raġel ta’ 29 sena, it-tnejn jgħixu l-Belt Valletta, ġew arrestati mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Wara jiem ta’ osservazzjoni tal-persuni fuq suspett ta’ traffikar tad-droga, il-pulizija waqqfuhom fil-Marsa. Minn tfittxijiet li saru fuqhom, fil-vettura u fir-residenza tagħhom, instabu sustanzi aktarx Kannabis u kokaina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu b’arrest il-Qorti llum għall-ħabta ta’ 12:00 p.m quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.