Saturday, December 14, 2024

Żewġ pulizija Ingliżi jwasslu lill-għarajjes għat-tieġ wara li nqalgħetilhom ħsara fil-vettura

Aqra wkoll

Meta nsemmu l-ġurnata tat-tieġ, tiġina f’moħħna ġurnata ideali donnha bħal dawk li konna naqraw dwarhom f’xi stejjer tal-imħabba meta konna żgħar: l-għarajjes bi lbies mill-isbaħ qishom prinċep u prinċipessa, b’karozza tradizzjonali lussuża qisha xi karozella tal-ħolm.

Però minkejja l-għadda ta’ preparamenti li tagħmel il-koppja, mhux dejjem ikollha kontroll assolut fuq dak li jista’ jseħħ. Hekk ġara lil żewġ għarajjes nisa fl-Ingilterra li kienu fi triqithom għaċ-ċerimonja taż-żwieġ, li riedu jew ma ridux kellhom jaffaċċjaw realtà differenti hekk kif il-vann li kienu qegħdin fih inqalgħulu xi ħsarat.

Jemma u Sian Batchelor-Thomas, żewġ nisa fl-età ta’ 35 u 36 sena rispettivament, kienu fi triqithom biex jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ, liema ċerimonja kellha ssir f’Southampton (Hampshire), meta l-vann li kellu madwar 23 persuna abbord — ix-xufier, il-koppja u xi 20 mill-mistednin, waqaf jaħdem.

Naturalment, kif jiġri f’każijiet bħal dawn, l-għarajjes inkaħmu minn paniku kbir minħabba l-biża’ li jaslu tard għaċ-ċerimonja taż-żwieġ. Xi ħadd mill-ħbieb tagħhom għamel sinjal lil karozza tal-Pulizija li kienet għaddejja. L-uffiċjali offrew li jwasslu lill-għarajjes għaċ-ċerimonja u l-koppja rnexxielha tasal fil-ħin.

Il-koppja ma kellha xejn għajr kliem ta’ tifħir għaż-żewġ uffiċjali — PCSO Rachel Barry u PC Lucy Stoneley: “Huma nies dħulin ħafna, professjonali u żammewna kalmi fi triqitna għaċ-ċerimonja”. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali qalu li jħossuhom tassew kuntenti li kienu ta’ għajnuna għal din il-koppja, filwaqt li awgurawlhom futur mill-isbaħ f’dan il-vjaġġ ġdid ta’ ħajjithom.

Ekonomija

Sport