Żewġ pulizija sofrew ġrieħi gravi wara li matul il-lejl illi għadda kienu involuti f’inċident waqt li kienu qegħdin isegwu vettura li telqet mill-post b’veloċità eċċessiva wara li s-sewwieq induna bil-preżenza tal-pulizija.
Kienu għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ dalgħodu, xħin il-Pulizija intalbu jmorru jassistu fuq argument fiż-Żurrieq.
Malli waslu fil-viċinanzi, innutaw persuna li kienet involuta
fil-każ taħrab minn fuq il-post b’karozza BMW.
Għaldaqstant il-pulizija segwew din il-vettura u malli waslu fi Triq is-Sorijiet, Ħal Tarxien, il-vettura tal-Korp, Hyundai Tucson, kienet involuta f’ħabta ma’ vettura tat-tip Fiat 500, misjuqa minn mara ta’ 25 sena residenti Ħal Tarxien. Iż-żewġ pulizija ttieħdu għal kura l-Isptar Mater Dei u ġew iċċertifikati li qed isofru ġrieħi gravi, waqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfif.
Kawża tal-impatt, intlaqtu sitt vetturi li kienu pparkkjati.
Numru ta’ persuni qegħdin jiġu mitkellma mill-Pulizija dwar il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.