Sunday, December 22, 2024

Żewġ rhibs u ħames vannijiet għall-Korp tal-Pulizija

Aqra wkoll

B’investiment ta’ madwar €1.3 miljun ġew inawgurati żewġ rhibs u ħames vannijiet għall-Korp tal-Pulizija, ko-finanzjati minn fondi Ewropej. L-għan ta’ dan l-investiment huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Korp tal-Pulizija f’sorveljanza tal-fruntieri. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif l-investiment tal-lum qed ikompli jikkumplimenta l-investiment qawwi li sar fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin. Hu qal li fl-aħħar sena biss sar investiment fl-għodda u l-vetturi għal Korp tal-Pulizija li jlaħħaq it-€2.6 miljun. Fost dan l-investiment kien hemm vetturi u uniformijiet ġodda. “Fil-Korpi Dixxiplinati kollha ta’ pajjiżna, inkluż fil-Korp tal-Pulizija qed naraw li nkomplu ninvestu bla preċedent. L-investiment fin-nies li sar permezz ta’ ftehim kollettiv u bħalissa qed ninnegozjaw ieħor għaż-żmien li ġej. Apparti dan qed nagħmlu wkoll investiment fl-għodda li ta’ kuljum jużaw il-membri tal-Korp tal-Pulizija bħala parti mix-xogħol tagħhom u dan tal-lum, kemm l-investiment f’dawn il-vetturi u anke ta’ dak li għandu x’jaqsam fuq il-baħar, ikompli jikkonferma dan kollu, fejn kemm minn fondi nazzjonali u anke Ewropej qed nagħtu l-għodda kollha possibbli lill-Korp tal-Pulizija bħal kull korp ieħor,” saħaq il-Ministru Camilleri. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan l-investiment huwa parti mill-proġett ‘Malta Police Force’s Specific Actions for Border Surveillance’, fejn il-Korp tal-Pulizija ngħata €2.6 miljun mill-Fond imsemmi sabiex ikollu aktar tagħmir biex tkompli tissaħħaħ is-sorveljanza u s-sigurtà ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li b’dan l-investiment il-Korp tal-Pulizija qed ikompli jsaħħaħ il-flotta tiegħu u allura qed jagħmel il-ħajja tal-uffiċjali tal-Korp waħda aħjar. Spjega li b’dan l-investiment il-Korp tal-Pulizija qed isaħħaħ is-sorveljanza tiegħu fix-xtut ta’ pajjiżna u allura jagħmel lil pajjiżna fost l-aktar pajjiżi siguri.

Ekonomija

Sport