Żewġ Russi u Ukren ġew arrestati wara li allegatament inqabdu jispjunaw fuq bażi militari u fabbrika tal-armi fl-Albanija.
Wieħed mis-suspettati allegatament uża spray paralizzanti fuq il-gwardji waqt li kien qed jipprova jieħu ritratti tal-fabbrika Gramsh. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża tal-Albanija.
Fl-istqarrija ntqal li żewġ suldati sofrew xi ġrieħi meta kienu qed jippruvaw iwaqqfu lit-tlitt persuni, iżda eventwalment dawn ġew arrestati.
“F’tentattiv biex jaħrab, wieħed miċ-ċittadini Russi, identifikat bħala MZ ta’ 24 sena, uża spray paralizzanti fuq iż-żewġ gwardji tas-sigurtà,” qal il-Ministeru. Intqal li fil-viċinanzi ġew arrestati żewġ persui oħra – mara Russa identifikata bħala ST ta’ 33 sena u raġel Ukreni identifikat bħala FA ta’ 25 sena.
Il-Prim Ministru Albaniż Edi Rama kkonferma li t-tlitt persuni huma “suspettati bi spjunaġġ.”