Aktar kmieni llum, żewġ sewwieqa ta’ mutur weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku separati.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq Għar Dalam, iż-Żejtun fejn minn investigazzjonijiet irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Auris misjuqa minn raġel ta’ 70 sena residenti il-Ħamrun u mutur Yamaha misjuq minn raġel ta’ 36 sena residenti Birżebbuġa.
Is-sewwieq tal-mutur mar għall-assistenza medika ġewwa Ċentru tas-Saħħa u ġie ċċertifkat bi ġrieħi gravi.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tas-2:00 p.m fi Triq tal-Armaġġ, l-Imġarr fejn minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Suzuki Swift misjuqa minn raġel ta’ 32 sena, u mutur Husqvarna misjuq minn raġel ta’ 23 sena. Iż-żewġ sewwieqa huma residenti l-Imġarr stess.
Tim mediku ta l-assistenza lir-raġel ta’ 23 li ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn kien iċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin.