Żewġ sewwieqa ma nstabux ħatja li b’negliġenza kkaġunaw il-mewt ta’ raġel li kien qed jaqsam it-triq fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-Qorti waslet għal din id-deċiżjoni wara li qieset li l-vittma dak il-ħin kien taħt l-influwenza tax-xorb u sustanzi, ma kienx qed jaqsam it-triq kif suppost u għaldaqstant skolpat liż-żewġ sewwieqa mill-akkużi ta’ qtil involontarju u negliġenza.
Il-każ imur lura għall-24 ta’ Jannar ta’ tmien snin ilu, għall-ħabta tas-6.44 a.m. fi Triq Ħal Farrug, limiti ta’ Ħal Luqa. Il-vittma f’dan il-każ kien Philip Christopher Attard Scott.
Mill-awtopsja rriżulta li l-mewt ġiet ikkaġunata minn ksur fil-kranju u emoroġija b’riżultat ta’ inċident tat-traffiku. Apparti dawn il-ġrieħi, il-vittma kellu black eye u ferita fuq għajnejh il-leminija. Il-vittma kien miet l-għada tal-inċident.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat diversi aspetti li waslu għall-inċident fosthom il-kundizzjoni tat-triq u tat-temp billi kienet nieżla ħafna xita. Wieħed mis-sewwieqa kien xehed li l-vittma ħareġ f’salt tant li kulma seta’ jagħmel kien li jagħfas il-brejk.
“Ħareġ f’salt… kulma rajt kien id-dell tiegħu”
Wieħed mis-sewwieqa
Huwa qal li f’dak id-dlam ra biss dell ta’ pesuna taqsam it-triq fejn ipprova jwaqqaf il-karozza biex jipprova jevita l-impatt però ma rnexxilux. Skont il-Qorti joħroġ għalhekk ċar li t-tentattiv tas-sewwieq u l-fatt li ma setax jarah minn qabel anke minħabba l-fatt li kien liebes ħwejjeġ skuri.
Fir-rigward tal-akkuża tal-qtil involontarju, ma ġiex stabbilit minn ebda espert jekk kienx l-ewwel impatt jew it-tieni impatt li kkawża l-mewt tal-vittma. Il-Qorti qalet li għalhekk ma tistax tkun konvinta jekk kienx l-ewwel jew it-tieni sewwieq li kkaġunaw il-mewt tal-vittma.
Il-Qorti sostniet li jibqa’ l-fatt li għalkemm sewwieq ta’ vettura għandu jżomm ‘a proper lookout’ jiġu ċirkostanzi fejn in-negliġenza ta’ min ikun qed jaqsam it-triq tkun waħda elevata li s-sewwieq ma jkunx jista’ raġjonevolment jevita l-inċident u fil-fatt dak li kien ġara lill-ewwel sewwieq.
Għaldaqstant l-istess sewwieq qatt ma seta’ jiġi akkużat bi ħtija fis-sewqan tiegħu, aktar u aktar meta ttieħdu inkosiderazzjoni ċ-ċirkostanzi atmosferiċi u tat-triq u wkoll il-mod kif qasam it-triq il-vittma.
Dwar is-sewqan tal-imputat l-ieħor, ma rriżultax lanqas li huwa kien għaddej b’veloċità. Mill-istqarrija tiegħu u mix-xhieda ta’ ħuh, irriżulta li l-imputat ħaseb li kienet seħħet ħabta għax ra li kien hemm vetturi weqfin u allura pprova jaqbeż l-istess vettura meta ħass xi ħaġa mal-art.
“Huwa plawsibbli li ma rax lill-vittma mal-art peress li kien liebes ilbies skur u ma kienx għadu ġie mgħotti b’xi liżar jew xi ħaġa tixgħel”
Il-Qorti
“Huwa plawsibbli li ma rax lill-vittma mal-art peress li kien liebes ilbies skur u ma kienx għadu ġie mgħotti b’xi liżar jew xi ħaġa tixgħel. Huwa plawsibbli wkoll il-fatt li l-imputat qatt ma’ seta’ jimmaġina li kien hemm persuna mal-art meta kien hemm biss karozza wieqfa fit-triq u ħadd ma kien barra jidderieġi t-traffiku. Fil-fatt fl-istqarrija tiegħu qal li meta wasal viċin il-karozza l-ħamra, is-sewwieq tal-karozza ħamra ma rahx, la fil-karozza u lanqas barra.”
Kien għalhekk li l-Qorti qieset li l-ebda wieħed miż-żewġ sewwieqa ma kienu traskurati u negliġenti fis-sewqan tagħhom u b’hekk ma sabitx ħtija fir-rigward tal-akkuża ta’ negliġenza.
Il-Qorti għalhekk illiberatom mill-akkużi miġjuba kontra tagħhom. Mill-banda l-oħra, wieħed mis-sewwieqa nstab ħati li kien ħarab minn fuq il-post u naqas milli jieqaf u jagħti d-dettalji tiegħu. Intqal li kien l-imputat stess li ammetta li telaq mix-xena fejn seħħ l-impatt minħabba li kien aġitat wara dak li kien ġara u għalhekk kien ikkundannat ammenda ta’ €50.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.