Tuesday, December 24, 2024

Żewġ sewwieqa ta’ muturi jweġġgħu gravi f’inċidenti separati tat-traffiku

Aqra wkoll

Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li l-Erbgħa li għadda weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-4.15 p.m., fi Triq Għar Dalam, iż-Żejtun. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Yamaha GPD li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Għaxaq u Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 46 sena resident Ħal Għaxaq ukoll.

It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30 p.m., fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Kirkop. Jirriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Suzuki GSX misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Marsa u Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 34 sena residenti Ħal Kirkop.

Tim mediku assista fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġ sewwieqa tal-muturi ttieħdu l-isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin

Ekonomija

Sport