Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-9:45 p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li hemm argument biswit ħanut fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Minnufih il-Pulizija marret fuq il-post fejn sabu Sirjan ta’ 44 sena residenti r-Rabat stess, b’xi ġrieħi f’rasu. Tim mediku issejjaħ fuq il-post u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Ftit tal-ħin wara waqt li l-Pulizija kienu għadhom fuq il-post qed jagħmlu l-investigazzjonijiet, huma ġew infurmati li kien seħħ argument ieħor biswit il-port ta’ l-Imġarr u li l-persuni involuti x’aktarx huma l-istess nies involuti fl-argument fir-Rabat.
Hawnhekk tim mediku kien qed jassisti Sirjan ieħor li ttieħed permezz t’ambulanza lejn lisptar. Aktar tard, iż-żewġ persuni kienu ċċertifikati bi ġrieħi gravi. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijietb’rabta ma’ dan il-każ u qed tkellem diversi persuni involuti.