Friday, November 15, 2024

Żewġ Sirjani mixlija bi traffikar ta’ immigranti

Il-Qorti tgħid li reati bħal dawn jipperikolaw is-sigurtà tal-istat

Aqra wkoll

Żewġ Sirjani tressqu b’urġenza lbieraħ fil-Qorti fejn wieġbu mhux ħatja għal akkużi relatati ma’ kriminalità organizzata u traffikar ta’ bnedmin.

L-ewwel li tressaq kien Hamid Saleh ta’ 45 sena li ġie mixli li bejn Awwissu u Ottubru 2022 organizza jew iffinanzja għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-ħsieb li jagħmlu reat kriminali u li għen biex jidħlu immigranti f’Malta b’mod illegali. 

Fil-Qorti ħareġ li fl-14 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta tal-4.00 a.m., il-Pulizija kienet infurmata li daħlet dgħajsa f’Delimara u fuqha kien hemm xi immigranti. Meta marru fuq il-post, sabet 10 persuni mill-Bangladesh. 

Minn aktar stħarriġ, il-Pulizija rnexxielha tistabbilixxi min kien il-persuna li saq id-dgħajjes li fuqhom kien hemm l-immigranti, li jinsab għaddej proċeduri quddiem Qorti oħra.

L-Ispettur Karl Roberts, li mexxa l-Prosekuzzjoni, qal li ġew identifikati xi immigranti li kien hemm fuq il-post u min kien ġie għalihom bil-karozza. Huwa żied jgħid li l-Pulizija kellmet aktar persuni u minn iżjed investigazzjonijiet ġie stabbilit li Hamid allegatament kien wieħed mill-persuni li organizza l-vjaġġ mas-Sirjani u ġabar xi flus mingħand dawk li riedu jġibu l-familja tagħhom hawn Malta. L-imputat kien arrestat il-Ġimgħa mir-residenza tiegħu fil-Fgura. 

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għad iridu jiġu arrestati aktar persuni. 

Mistoqsi mid-Difiża jekk kienx hemm allegati każi oħra apparti dak tal-14 ta’ Settembru li għadda, l-Ispettur Roberts semma li kien hemm ieħor fis-26 ta’ Awwissu u oħrajn fix-xhur ta’ wara fejn kienu nġabru l-flus.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi li jġorru magħhom sa disa’ snin ħabs u biża’ li jista’ jaħrab minn Malta billi ngħad li l-imputat isiefer ta’ spiss lejn it-Turkija u s-Sirja. 

Warajh tressaq Khlef Houssein ta’ 28 sena, li allegatament kien mar fuq il-post fl-14 ta’ Settembru biex jiġbor xi familjari minn tiegħu mal-wasla tagħhom f’pajjiżna. Fil-Qorti iżda ntqal li huwa ma kienx ħa flus minn dan il-vjaġġ. Dan filwaqt li kkopera mal-pulizija fl-investigazzjonijiet.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat. Il-Qorti ddikjarat li tieħu b’serjetà kbira reati bħal dawn, li qalet jipperikolaw is-sigurtà tal-istat. Qalet li l-inqas involviment f’reati bħal dawn huwa “gravi ħafna.” 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Lydon Zammit. L-Avukat Alfred Abela deher għal Saleh mentri l-Avukat Mario Mifsud assista lil Houssein.

Ekonomija

Sport