Sunday, November 24, 2024

Żewġ Sirjani mixlija b’tixrid ta’ materjal estremista

… ieħor jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi dwar ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Żewġt irġiel Sirjani nżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija b’akkużi dwar allegat tixrid ta’ materjal estremista. L-allegati reati jmorru lura għal April ta’ din is-sena u x-xhur u s-snin ta’ qabel.

Farhan Mohammed Sheik ta’ 39 sena residenti l-Ħamrun u Abdullah Aliwi ta’ 23 sena u li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, kienu mixlija li pprovokaw l-għemil ta’ xi attivitajiet terroristiċi, irreklutaw jew ħajru lil xi persuna oħra biex tagħmel dawn l-attivitajiet.

Akkużi oħra kontrihom jgħidu li assoċjaw ruħhom ma’ persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jagħmlu reat u li ffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali fost oħrajn.

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputati qed jiġu mixlija b’akkużi relatati mat-terroriżmu filwaqt li hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u anke li jistgħu jaħarbu mill-pajjiż.

“Dawn huma reati li jistgħu jolqtu mhux persuna waħda imma lill-popolazzjoni inġenerali. Hemm ukoll l-interess pubbliku,” kompliet tgħid il-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti kienet infurmata li dan il-każ huwa relatat mal-investigazzjoni li għaddejja fuq terroriżmu fejn diġà tressqu seba’ persuni oħra. Intqal li din l-inkjesta kienet ingħalqet u reġgħet infetħet, fejn iż-żewġ imputati kienu wkoll ingħataw il-police bail.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat u kkunsidrat diiversi fatturi fosthom in-natura serjissima ta’ dawn l-allegati reati, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat li Farhan u Abdullah jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan filwaqt li ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco G. Refalo u Rebekah Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Zachary Zammit u Jean Paul Attard. Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Josè Herrera u Matthew Xuereb.

Intant, fil-Qorti tressaq ukoll Ebrahem Ahmad, Sirjan ta’ 35 sena, mixli b’akkużi dwar ħasil ta’ flus. Il-Prosekuzzjoni spjegat li dan il-każ huwa wkoll relatat mal-każ preċedenti u li l-akkużi fil-konfront ta’ Ahmad huma li kellu istituzzjoni finanzjarja mingħajr ma kellu liċenzja.

“Qed nitkellmu dwar numru kbir ta’ klijenti li kienu jagħmlu użu minnha. Hemm madwar 30 persuna oħra li jridu jiġu mitkellma,” kompla jgħid l-Avukat Antoine Agius Bonnici f’isem il-Prosekuzzjoni.

Id-Difiża insisitet li l-imputat kien fuq police bail minn tal-inqas sitt xhur u ma kien hemm l-ebda kwistjoni. “Issa li tressaq il-Qorti, il-Prosekuzzjoni qed tgħid li jista’ jkellem lix-xhieda,” argumentaw l-Avukat Nicholas Mifsud u l-Prokuratur Legali Colin Galea, li dehru għal Ahmad.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit saħqet li ma tiflaħx tisma’ aktar l-oġġezzjoni li l-investigazzjoni għadha għaddejja. “Nixtieq li tiġu b’ġustifikazzjoni aħjar,” insistiet il-Maġistrat mal-Prosekuzzjoni.

Eventwalment, l-imputat ingħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €80,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa kuljum.

Sport