Sirjan ingħata sentenza sospiża u ieħor baqa’ jinżamm arrestat wara li tressqu fil-Qorti b’rabta ma’ każ fejn kienu mixlija li kkawżaw biża’ fuq persuna oħra permezz ta’ machette.
L-imputati huma Hasan Mohamad Ileui ta’ 23 sena u Saleh Alaiwi ta’ 31 sena, bl-ewwel wieħed iwieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li l-ieħor (Saleh) wieġeb mhux ħati.
Fil-Qorti nstema’ kif fis-27 ta’ Marzu 2026, għall-ħabta tal-4.15 p.m., il-Pulizija kienet infurmata li raġel kien aggredit minn żewġ Sirjani permezz ta’ dik li għall-ewwel ġiet deskritta bħala “xabla”. Il-każ kien seħħ f’garaxx tat-tyres li jinsab fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn hemm sabu lill-allegat vittma jitriegħed. Wara li poġġa bilqiegħda u kkalma, huwa qal lill-pulizija li Sirjan kien daħal biex jinqeda u beda jargumenta miegħu dwar ħlas ta’ tyres.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Saleh allegatament beda jgħajjat fil-ħanut u l-vittma qallu “hawn mhux tiegħek” u mbagħad qabdu mill-flokk u kaxkru ’l barra. Dak il-ħin, is-Sirjan ħareġ mill-garaxx u allegatament beda jgħajjat “ġib ix-xabla”.
Fil-frattemp, l-imputat l-ieħor ġie b’machette ma’ saqajh biex allegatament ibeżża’ lill-vittma. Dak il-ħin, il-vittma kien imwerwer u beda jgħid li kien se jċempel lill-pulizija. Malli sema’ hekk, wieħed mill-imputati qallu “nagħżel li nħallsek” u sussegwentement tah 40 ewro u telqu minn fuq il-post. Il-Pulizija kienet arrestat lil wieħed minnhom ftit tal-ħin wara f’Santa Venera u l-ieħor kien ġie minn jeddu l-Għassa ta’ Ħal Qormi.
Hasan kien mixli li beżża’ lill-vittma, li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess, li hedded lill-vittma u li saq vettura Citroen mingħajr ma kellu liċenzja u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni.
Saleh kien mixli wkoll b’theddid fil-konfront tal-allegat vittma, li kien kompliċi fil-każ, li saq Mercedes mingħajr ma kellu liċenzja neċessarja tas-sewqan, waqt li kellu l-liċenzja skwalifikata u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni, u li kien riċediv.
Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni ppreżentat il-machette li allegatament intużat fil-każ. Intqal li din ġiet elevata minn karozza li kien qed isuq wieħed mill-imputati.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li quddiemha tressqu ż-żewġ imputati, semgħet lil Hassan jammetti għall-akkużi u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin flimkien ma’ multa ta’ 120 ewro.
Min-naħa l-oħra, Salah ċaħad l-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li għad irid jixhed l-allegat vittma. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba. Fl-istess waqt, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u Roderick Attard.
L-Avukati Noel Bianco u Matthew Xuereb dehru għall-imputati.

