Saturday, November 23, 2024

Żewġ skemi għan-negozji biex jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri neda żewġ skemi għan-negozji – il-Gozo Back Office Scheme u l-Gozo Business Relocation Scheme sabiex jinċentiva aktar negozji joperaw minn Għawdex u b’hekk jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għall-Għawdxin.

Huwa qal li l-għan tal-Gozo Back Office Employment Refund Scheme hu li nkomplu nattiraw aktar investiment mis-settur privat u ngħinu biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex. Spjega li “b’din l-iskema rridu ninkoraġġixxu entitajiet privati sabiex jistabbilixxu u jiġġeneraw xogħol ta’ back office f’Għawdex filwaqt li qed inwettqu miżura oħra tal-Baġit 2020. B’hekk, inkunu qed inżidu l-potenzjal sabiex jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex anke fid-dawl tal-inċentiv fiskali fejn ir-rata tar-rimborż tas-salarju tkun ikkalkulata skont il-paga offruta.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li kull kumpanija tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €35,000 fis-sena minn din l-iskema, fejn jingħata rimborż parzjali tas-salarju sa massimu ta’ €8,700 għal kull impjegat fuq medda ta’ 3 snin, skont il-paga tal-impjegat.

Biex il-kumpanija tkun eliġibbli għar-rimborż taħt din l-iskema, l-impjegati jridu jkunu biss f’Għawdex u sabiex tkun grantita s-sostenibbiltà tal-impjiegi, il-kuntratti tax-xogħol mogħtija għandu jkollhom perjodu minimu ta’ 3 snin.

L-ewwel rimborż tas-salarju jiġi evalwat eżattament wara l-ewwel sena tal-ħaddiem irreġistrat taħt din l-iskema. Kumpaniji interessati għandhom sal-31 ta’ Diċembru 2020 sabiex japplikaw, filwaqt li dan ikopri xogħol ta’ Back Office f’Għawdex li ma jkunx beda qabel 1 ta’ Jannar 2020. Impjegati li kienu diġà ingaġġati qabel l-1 ta’ Jannar 2020 huma eliġibbli, sakemm dawn ma kinux diġà qed jaħdmu f’Għawdex. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-għan tal-Gozo Business Relocation Scheme huwa li l-gvern ikompli jinċentiva investiment u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli f’Għawdex. Spjega li, “Qed inniedu din l-iskema ġdida sabiex ninkoraġġixxu entitajiet privati jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Għawdex permezz ta’ rilokazzjoni tal-operat tagħhom. Hawn, qed nimmiraw li nimmotivaw investiment kemm minn kumpaniji Maltin kif ukoll minn kumpaniji barranin.”

Ir-rilokazzjonijiet eliġibbli taħt din l-iskema huma tlieta:

  1. Rilokazzjoni fis-sħiħ tal-operat
  2. Rilokazzjoni ta’ sezzjoni/jiet jew dipartiment/i mill-operat
  3. Rilokazzjoni ta’ estensjoni tal-operat

L-iskema toffri għajnuna finanzjarja fuq żewġ binarji: rimborż, skont in-numru ta’ impjegati proposti, għall-ispejjeż tar-rilokazzjoni, sa massimu ta’ €3,750; u pakkett finanzjarju sabiex iservi bħala sapport inizjali fejn ser tiġi offruta s-somma ta’ €1,000 għal kull impjegat elenkat fil-pjan ta’ rilokazzjoni tan-negozju, sa massimu ta’ €40,000.

Kumpaniji li jibbenifikaw minn din l-iskema, ikunu intitolati li jibbenifikaw minn skemi oħrajn ta’ għajnuna mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex, dment li ma jirreferux għall-istess impjegat. Sabiex kumpanija tkun eliġibbli biex tibbenefika mill-iskema, fil-pjan ta’ rilokazzjoni, il-benefiċjarju jrid jelenka n-numru ta’ ħaddiema li se jkun qed iħaddem filwaqt li l-minimu huwa ta’ 10 impjegati. Minkejja dan, ser ikun hemm fattur ta’ flessibilità fin-numru minimu ta’ ħaddiema skont l-entità u t-tip ta’ investiment propost. Hawn il-minimu ta’ impjegati jista’ jinżel sa minimu ta’ 5 impjegati.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-impjegati rreġistrati sabiex iwasslu għal għotja finanzjarja jridu jkunu offruti kuntratt ta’ minimu ta’ 3 snin filwaqt li jridu jkunu residenti f’Għawdex. Kumpaniji interessati għandhom japplikaw u jissottomettu l-pjan tar-rilokazzjoni tal-operat tagħhom fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għal Għawdex.

Sport