F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, żewġ Spetturi nħatru fil-kariga ta’ Supretendenti tal-Pulizija, u 19-il kuntistabbli ġew promossi fil-grad ta’ Surġenti.
F’diskors waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru Dr Byron Camilleri rrimarka kif fl-aħħar snin il-Korp tal-Pulizija irnexxielu jnaqqas ir-rata ta’ kriminalità b’politika ta’ prevenzjoni, klassifikat mal-ewwel 12-il pajjiż siguri fid-dinja, filwaqt li rebaħ aktar il-fiduċja tal-poplu. Huwa talabhom sabiex ikomplu jaħdmu sabiex jiksbu aktar minn dawn ir-riżultati filwaqt li jkunu ta’ spalla u servizz għas-soċjetà.
F’kelmtejn li għamel, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà feraħ lill-uffiċjali kollha li ħadu l- promozzjoni u qal li l-Korp tal-Pulizija qiegħed ikompli jsaħħaħ fid-diversità tiegħu hekk kif 38fil-mija fost dawk promossi huma nisa. Dan ukoll juri kemm il-mara qiegħda jkollha rwol dejjem aktar ċentrali fl-istrutturi tal-Korp. Semma wkoll kif illum, Malta tikklassifika bħala s-seba’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-ogħla proporzjon ta’ nisa fil-pulizija.
Huwa fakkar ukoll fit-tnedija tal-Corporate Strategy għall-ħames snin illi ġejjin, li timmarka bidu ta’ fażi ġdida fl-operat tal-Korp tal-Pulizija. Sostna li l-uffiċjali li ġew promossi huma l-protagonisti ta’ din il-fażi l-ġdida.
Għaċ-ċerimonja tal-ħatra attendew fost oħrajn id-Deputati u Assistenti Kummissarji, id-Direttur Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll is-Segretarju Permanenti, fost oħrajn.

