Saturday, November 23, 2024

Żewġ Sqallin mixlija bi traffikar u importazzjoni ta’ 4kg kokaina

Aqra wkoll

Żewġ Sqallin inżammu taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ traffikar u importazzjoni ta’ madwar erba’ kilogrammi kokaina mill-Italja, bil-valur fis-suq ta’ din id-droga kienet tlaħħaq madwar €500,000.

Eriko Mucaj ta’ 18-il sena u Giovanna Scribano ta’ 46 sena, it-tnejn minn Ragusa, tressqu b’arrest quddiem il-Maġistrat Monica Vella ftit tal-ħin ilu.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega fil-Qorti kif tard it-Tlieta billejl, il-pulizija rċeviet informazzjoni li Mercedes bi pjanċi tar-reġistrazzjoni Taljani kienet fi triqitha lejn Malta u allegatament fiha seta’ kien hemm sustanzi illeċti.

Iż-żewġ imputati twaqqfu ftit wara li waslu Malta bil-katamaran minn Sqallija, fejn irriżulta li l-mara kienet qiegħda ssuq din il-vettura. Minn tfittxijiet estensivi li saru, f’kompartament falz f’qiegħ il-vettura nstabu erba’ pakketti bid-droga li kienu jiżnu madwar kilo kull pakkett, kif ukoll €1,000 fi flus kontanti. Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.

Sadanittant, il-mara kienet osservata tipprova tibgħat messaġġ minn fuq il-mobile tagħha, li kien immedjatament ikkonfiskat mill-pulizija u li fih instabu diversi messaġġi bi struzzjonijiet ta’ fejn kellha tipparkja u x’għandha tagħmel bil-flus.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati u għaldaqstant baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mark Anthony Mercieca.

L-Avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca dehru għal Scribano mentri l-Avukati Joseph Giglio u Michaela Giglio dehru għal Mucaj.

Aktar kmieni: Tnejn arrestati wara li nqabdu b’4kg kokaina b’valur ta’ €500,000

Żewġ Taljani ġew arrestati tard it-Tlieta bil-lejl wara li fil-pussess tagħhom instabu mal-erba’ kilogrammi sustanza suspettata droga kokaina, bil-valur fis-suq tlaħħaq madwar €500,000.

Iż-żewġ persuni, mara ta’ 46 sena u ġuvni ta’ 18-il sena, kienu f’Mercedes misjuqa mill-mara. Huma twaqqfu ftit wara li waslu Malta bil-katamaran minn Sqallija fuq suspett ta’ traffikar u importazzjoni tad-droga mill-Italja.

Minħabba f’hekk, il-karozza ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija u minn tfittxijiet li saru, f’kompartament falz f’qiegħ il-vettura nstabu erba’ pakketti bid-droga li kienu jiżnu madwar kilo kull pakkett, kif ukoll €1,000 fi flus kontanti.

Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Sport