Tfittxija intensiva għadha għaddejja wara li żewġ studenti nqatlu u disa’ persuni oħra ndarbu f’attakk ta’ sparatura fl-Università ta’ Brown f’Providence, Rhode Island fl-Amerika
Midja internazzjonali rrapurtat li l-agressur fetaħ in-nar fi klassi s-Sibt filgħaxija f’binja fejn kienu qed isiru l-eżamijiet. L-università, waħda mill-eqdem u l-aktar prestiġjużi fl-Istati Uniti, tpoġġiet f’lockdown hekk kif il-pulizija bdiet tfittxija għall-agressur li għadu ma nstabx.
Studenti f’ċerti żoni tal-kampus għadhom qed jiġu mgħarrfa biex jibqgħu fejn jinsabu sakemm il-pulizija tkun tista’ takkumpanjahom ’il barra miż-żona b’mod sigur.
Uffiċjali mill-Isptar ta’ Rhode Island qalu li l-biċċa l-kbira tal-persuni midruba jinsabu f’kundizzjoni “kritika iżda stabbli”. L-identitajiet ta’ dawk li nqatlu jew ndarbu għadhom ma ġewx żvelati mill-awtoritajiet.
Id-Deputat Kap tal-Pulizija, Tim O’Hara, qal li s-suspettat kien liebes iswed u jista’ jkun li kien liebes maskra. Sa issa għadu mhux magħruf x’tip ta’ arma tan-nar intużat.

