Thursday, March 20, 2025

Żewġ studenti Maltin se jirrappreżentaw lil Malta fil-European Money Quiz ġewwa Brussell

Aqra wkoll

Thea Muscat, studenta mill-Kulleġġ San Nikola Skola Primarja, Ħad-Dingli, u Owen Bartolo li jattendi Iskola Sekondarja taż-Żokrija fil-Kulleġġ Maria Regina, il-Mosta, ġew magħżula bħala ċ-champions nazzjonali li se jirrappreżentaw lil Malta fil-European Money Quiz (EMQ) 2025 fit-22 u t-23 ta’ Mejju fi Brussell.

Din hija l-ħames sena konsekuttiva li l-Malta Bankers’ Association (MBA) b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Accounting u l-Business Studies fi ħdan id-Direttorat għall-Progammi STEM U VET tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, organizzaw il-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali biex jintgħażlu l-parteċipanti Maltin għall-finali tal-EMQ.

Is-selezzjoni saret fuq il-pjattaforma Kahoot! għall-iskejjel fil-25 ta’ Frar, b’madwar 400 student minn diversi skejjel statali, tal-knisja u indipendenti jieħdu sehem fl-istess ħin f’test tal-għarfien finanzjarju tagħhom. Iż-żewġ studenti ġew iddikjarati r-rebbieħa nazzjonali wara li wieġbu l-aktar mistoqsijiet b’mod korrett fl-inqas ammont ta’ ħin fost il-parteċipanti kollha.

Thea Muscat and Owen Bartolo flimkien se jipparteċipaw fl-EMQ bħala t-tim nazzjonali ta’ Malta u se jkunu qed jingħaqdu mar-rappreżentanti mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra kollha fl-avveniment li hu organizzat mill-Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF). L-MBA se tkopri l-ispejjeż tat-titjira u tal-akkomodazzjoni tal-istudenti fi Brussell.

Il-kompetizzjoni tal-EMQ tifforma parti mill-attivitajiet tal-European Money Week (EMW) li ssir kull sena f’Marzu. L-EMQ hija l-akbar kompetizzjoni madwar l-Ewropa kollha li għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju fost l-istudenti ta’ bejn it-13 u s-16-il sena. Imnedija fl-2017 taħt il-koordinazzjoni tal-EBF bħala inizjattiva għall-promozzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja minn assoċjazzjonijiet bankarji nazzjonali fl-Ewropa, l-EMQ hija waħda mill-ħafna attivitajiet organizzati f’aktar minn 30 pajjiż, inkluż Malta, bħala parti mill-EMW.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport