Żewġ irġiel Tuneżini tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serq ta’ żewġ laned ħut minn mini market f’Gżira, il-Ħamis li għadda.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elton Buckingham spjegat li ż-żewġ imputati daħlu wara xulxin f’ħanut fil-Gżira. Ġie spjegat li minn filmati tas-CCTV, wieħed mill-imputati deher miexi b’mod suspettuż u kien għalhekk li ssejjħu l-Pulizija minħabba suspett li wieħed minnhom seta’ kien xurban.
Skont ix-xhieda fil-Qorti, jirriżulta li ż-żewġ imputati żammew żewġ laned, waħda tas-sardin u l-oħra tat-tonn taż-żejt ġol but u ħarġu minn ġol-ħanut. Il-Pulizija sabithom fi ġnien pubbliku fil-Gżira u arrestathom.
Wieħed mill-imputat wieġeb ħati u stqarr li kien xurban meta seħħ l-inċident. L-avukat tad-difiża Noel Bianco irrimarka li l-klijent tiegħu għandu kondotta kriminali nadifa u kellu l-intenzjoni li jħallas lura l-ammont.
Il-Maġistrat Leonard Caruana kkundanna lil Abidi għal tliet xhur ħabs, iżda sospiża s-sentenza għal sena. Min-naħa l-oħra, Ali Hassan wieġeb mhux ħati, u permezz tal-avukat tiegħu Noel Bianco, talab għall-ħelsien mill-arrest, billi l-filmat ma juri l-ebda serq min-naħa tiegħu, u jidher li kien fil-post żbaljat fiż-żmien żbaljat.
L-avukat żied jgħid li l-akkużat għandu indirizz fiss, impjieg u ikkopera mal-Pulizija matul l-investigazzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ u ordnat li Ali Hassan jingħata ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €3,000. Ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u ġiet imposta fuqu curfew.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Elton Buckingham, filwaqt li l-avukat Noel Bianco deher għall-akkużati.