Ifra Mohamed Mocow ta’ 36 sena u Muna Abdullah Salaah ta’ 41 sena mis-Somalja baqgħu jinżammu taħt arrest wara li kienu mixlijin li ħebbew għal xulxin f’lukanda fil-limiti tal-Mellieħa.
Iż-żewġ nisa li jinsabu fuq btala f’pajjiżna ġew mixlijin li kkaġunaw ġrieħi lil xulxin f’argument f’kamra ġewwa l-lukanda Ramla Bay Resort.
Il-Porsekuzzjoni qalet li l-Pulizija ġew mitlubin jassistu fil-lukanda u x’ħin daħlu fil-kamra tal-imputati sabu d-demm mas-sodda u fl-istess kamra kien hemm iż-żewġ nisa mal-art.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadithom l-Isptar Mater Dei fejn waqt li Salaah ġiet rilaxxata dakinhar stess Mocow inżammet l-isptar għax kellha bżonn il-punti.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-waqt l-investigazzjonijiet, il-Pulizija tkellmet ma’ impjegati tal-lukanda fejn dawn allegaw li ż-żewġ nisa kienu xurbana u kienu qegħdin idejqu lin-nies bl-atteġġjament tagħhom.
L-Avukati Krista Spiteri Lucas u Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Warren Galea u Cheyenne Mangion qed imexxu l-prosekuzzjoni.
L-Avukat Martin Fenech deher għal Mocow waqt li l-Avukat Ingrid Zammit Young dehret għal Salaah.