Żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġew sospiżi u se jkunu qed jaffaċċjaw akkużi kriminali b’rabta mal-mewt ta’ Richmond Tong lura fl-2020. Fi stqarrija maħruġa minnha l-Pulizija qalet li wara li ġew konklużi l-Inkjesta Maġisterjali u l-Investigazzjonijiet b’rabta mal-każ, żewġ uffiċjali se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Doreen Clarke f’kawża li se tibda tinstema’ fil-jiem li ġejjin.
Tong miet fl-età ta’ 35 sena waqt li kien qiegħed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-24 ta’ Ġunju 2020. Kien għall-ħabta tal-3:40 a.m meta l-pulizija fil-Furjana innutaw li Tong kellu bżonn l-assistenza medika.
Huwa ngħata assistenza medika u anke ġiet użata AED, iżda minkejja kull tentattiv, Tong ġie ċċertifikat mejjet xi ħin wara. Ir-raġel mill-Imtarfa kien twaqqaf aktar kmieni għall-ħabta tan-nofssiegħa ta’ filgħodu, minn żewġ units tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqfuh. Saritlu tfittxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.
Bil-każ kienet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.