Żewġ żgħażagħ subien, wieħed ta’ 15 u ieħor ta’ 17-il sena nstabu ħatja li stupraw mara f’Hull, ir-Renju Unit. Iż-żewġ subien, li ma ssemmewx b’isimhom minħabba li għadhom taħt l-età, instabu ħatja wkoll ta’ ħtif illegali u aggressjoni b’rabta mal-inċident tal-istupru li seħħ nhar it-3 ta’ Lulju tas-sena l-oħra.
Iż-żagħżugħ iż-żgħir instab ħati wkoll ta’ aggressjoni sesswali b’konnessjoni ma’ attakk separat li involva tifla adoloxxenti f’Ġunju li għadda.
It-tnejn li huma baqgħu miżmuma taħt arrest u mistennija jingħataw is-sentenza fil-Qorti ta’ Grimsby fit-13 ta’ Marzu.
Nhar l-Erbgħa, iż-żewġ subien instabu ħatja mill-ġurija ta’ tliet akkużi ta’ stupru, ħtif u aggressjoni li kkawżaw ħsara fiżika attwali lill-vittma.
Waqt il-proċess tal-ġuri, prosekuzzjomni qalet li ż-żewġ subien kienu wettqu “attakk vjolenti u sesswali” wara li l-vittma inizjalment qablet li jkollha x’taqsam magħhom sesswalment għal flus u għal dik ir-raġuni hija qablet li ssegwihom lejn proprjetà abbandunata. Wara li l-mara rrealizzat li s-subien ma kinux se jħallsu, talbet biex titlaq iżda nżammet kontra r-rieda tagħha.
Waqt ix-xhieda tagħhom, l-adolexxenti ammettaw li marru fid-dar iżda ċaħdu li kellhom x’jaqsmu sesswalment jew li stupraw lill-mara u kkontestaw ir-rakkont tagħha dwar x’ġara ġewwa.
Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena sostna li ma kellu l-ebda għarfien dwar xi ftehim biex iħallas għas-sess u kien mar kontra qalbu fid-dar abbandunata ma’ sieħbu.
Fil-Qorti iżda ingħad li l-ġrieħi tal-mara, li kienu jinkludu tbenġil f’wiċċha u f’koxxtejha kienu kompatibbli mal-verżjoni tagħha ta’ kif seħħ il-każ.

