Tuesday, January 28, 2025

Żewġ żgħażagħ jinżammu arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ droga fil-Marsa

Aqra wkoll

Gianluca Abela ta’ 26 sena mill-Qrendi u Denzel Aquilina ta’ 19-il sena mill-Marsa baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija b’pussess u traffikar tad-droga.

Huma ġew akkużati mill-Ispettur Mark Cremona li nhar il-Ħamis u fil-ġimgħat ta’ qabel fi Triq in-Nagħal fil-Marsa u fi bnadi oħra assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra biex ibigħu jew jittraffikaw fost oħrajn droga kokaina, eroina u mediċina psikotropika.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew kienu rċivew informazzjoni li fi Triq is-Serkin diversi persuni kienu qegħdin jittraffikaw id-droga.
Xehed li dawn il-persuni ġew identifikati u għalhekk ġiet ikkordinata operazzjoni mill-pulizija li matulha ġew arrestati Gianluca Abela u Denzel Aquilina.

Minn tfittxija fuq il-post ġew elevati madwar 100 qartas droga sintetika, 50 qartas kokaina, 50 qartas eroina u €3,000 fi flus kontanti. L-avukati difensuri Matthew Xuereb u Jacob Magri ikkontestaw il-validità tal-arrest ta’ Aquilina.

Qalu li Aquilina kien qiegħed fir-remissa jagħlef is-sriedaq u l-mandat tal-arrest ma kienx fuq il-pulizija. Min-naħa tiegħu l-Ispettur qal li Aquilina malli ra lill-pulizija niżżel is-shutter, iżda xorta ġie arrestat.

Il-Maġistrat qal li l-Qorti tqis l-arrest ta’ Aquilina bħala wieħed validu u kien kopert b’mandat. Qal li anke li kieku l-arrest ma kienx kopert b’mandat, xorta waħda kien jibqa’ validu minħabba li l-pulizija kellha suspetti raġjonevoli fuq l-akkużat.

Filwaqt li l-akkużati wieġbu mhux ħajta tal-akkużi, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-ammont ta’ droga li nstabet kien wieħed minimu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri u qalet li b’kollox inqabdu 150 pakkett bi tliet drogi differenti.

Il-Maġistrat ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna lid-direttur tal-ħabs biex Gianluca Abela jingħata l-assistenza medika li għandu bżonn minħabba li ntqal li huwa jbati minn ansjetà kbira.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport