Thursday, May 29, 2025

Żewġ żoni fil-Park ta’ Sant’Antnin attrezzati b’circuits sportivi għat-tfal 

Biex inrawmu kultura akbar ta’ eżerċizzju fl-ispazji miftuħa, Project Green żiedet tagħmir ġdid f’Marsaskala

Aqra wkoll

Il-Park ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala qed ikompli jikber fl-attrazzjoni tiegħu hekk kif Project Green żviluppat żewġ żoni b’tagħmir ta’ circuits sportivi għat-tfal. Iż-żewġ korsi fihom tagħmir adattat għat-tfal u l-addoloxxenti ta’ etajiet differenti. Fil-fatt żona minnhom tista’ tintuża minn tfal bejn 5 u 12-il sena u oħra għal tfal ’il fuq minn 13-il sena. It-tagħmir jinkludi climbing nets, monkey bars u ninja step plates fost oħrajn. Għas-sigurtà tal-viżitaturi, kull tagħmir għandu sinjali ta’ informazzjoni ta’ kif jintużaw.

Fi żjara mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, il-Perit Chiara Darmanin minn Project Green spjegat kif dan il-proġett se jagħti opportunità lill-atleti żgħar biex jitħarrġu u jagħmlu l-eżerċizzju. 

Waqt li rringrazzjat lil Project Green għall-ħidma tagħhom f’diversi spazji miftuħa, il-Ministru Dalli saħqet kif dawn l-ispazji joħolqu opportunitajiet biex il-familji, iż-żgħażagħ u l-ħbieb jiġu flimkien. “L-ispazji li qed noħolqu għandhom l-għan li joħolqu esperjenzi, memorji u avventuri u għalhekk li wara kull proġett hemm storja. F’dan il-każ, b’dan it-tagħmir qed niffaċilitaw aktar eżerċizzju fil-parks tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli, filwaqt li fakkret ukoll kif jumejn ilu, Project Green inawgurat spazju kbir ieħor f’Pembroke. 

Il-Perit Chiara Darmanin qalet, “B’dan il-proġett qed naraw li nkomplu nżidu l-involviment tan-nies, bħal kull proġett ieħor li naħdmu fuqu, kemm fejn jidħlu konsultazzjonijiet u issa bil-parteċipazzjoni diretta għall-użu ta’ dan it-tagħmir.”

Is-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja qal, “Inħeġġeġ aktar żgħażagħ jiġu hawn f’dan il-park tal-familja. Importanti li jużawh u jieħdu gost u ma jsirx vandaliżmu. Bħala kunsill ilqajnieh b’idejna miftuħin għaliex nafu li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għandhom bżonn iktar spazji bħal dawn.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport