Matul il-jumejn illi għaddew, il-Pulizija wettqet b’suċċess żewġ arresti b’rabta ma’ allegat importazzjoni u traffikar tad-droga, u li kienu qegħdin joperaw flimkien f’ċirku ta’ kriminalità internazzjonali.
Fl-ewwel ħidma, il-Pulizija arrestat Olandiż ta’ 54 sena li kien għadu kemm wasal Malta nhar itTlieta fuq titjira minn Brussell. Moħbi fil-qalziet huwa nstab iġorr madwar kilo sustanza suspettata kokaina b’valur fit-triq li taqbeż il-€130,000.
Mill-investigazzjonijiet estensivi illi saru, din id-droga kienet se titwassal lil persuna li allegatament huwa suspettat prinċipali li kien qed jopera l-allegat traffikar f’pajjiżna. Wara osservazzjonijiet fit-tul, ilbieraħ waranofsinhar, il-Pulizija arrestat lil din il-persuna, Marokkin ta’ 43 sena, fl-Imsida
Tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu, il-Pulizija ssekwestrat aktar minn €45,000 fi flus kontanti, vettura Maserati, kif ukoll arloġġi, ġojjellerija, ħwejjeġ, żraben u basktijiet tad-ditta.
B’rabta ma’ dawn l-arresti infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D.
Iż-żewġt irġiel qegħdin jinżammu arrestati u mistenni jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30 a.m., quddiem il-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici LL.D u jkunu akkużati bl-importazzjoni, pussess u traffikar tad-droga, ħasil tal-flus u kriminalità organizzata.

