Saturday, October 26, 2024

Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ safe li fih kien hemm eluf ta’ ewro f’ġojjellerija

Aqra wkoll

Tnejn arrestati b’rabta ma’ serqa 

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fl-aħħar ħinijiet arrestaw żewġ persuni b’rabta ma’ serqa kbira ta’ ġojjellerija li seħħet jumejn ilu minn residenza privata fis-Swieqi. 

Nhar il-Ġimgħa, għall-ħabta tal-10.00 a.m. il-Pulizija ġew infurmati li persuni mhux magħrufa daħlu f’residenza fi Triq il-Kwartin, fis-Swieqi u serqu safe li fih kien hemm eluf ta’ ewro f’ġojjellerija. Mill-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija rriżulta li l-ħallellin ħarbu minn fuq il-post b’vann tal-għamla Ford Transit.  

Aktar tard wara nofsinhar, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li żewġ persuni marru f’ħanut tal-ġojjellerija jippruvaw ibigħu xi oġġetti tad-deheb li allegatament kienu fost dawk misruqa mir-residenza tas-Swieqi. Il-Pulizija elevat filmati minn kameras tas-sigurtà u minnufih inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħhom.  

B’dawn il-filmati f’idejn il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, l-istħarriġ issokta bla waqfien u aktar tard il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Ħamrun, ġie arrestat raġel ta’ 27 sena residenti l-Ħamrun. Quddiem ir-residenza tiegħu nstab il-vann, l-istess vettura li ntużat fis-serqa. Minn tfittxijiet li saru fil-vann, instabu diversi oġġetti li allegatament intużaw fis-serqa. L-investigazzjonijiet komplew u lbieraħ filgħodu, il-Pulizija arrestat il-persuna l-oħra f’Ħaż-Żebbuġ, raġel ta’ 27 sena residenti l-Belt Valletta.  

Iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu il-Qorti b’arrest, illum, għall-ħabta ta’ nofsinhar quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

Sport