Friday, November 14, 2025

Żewġt irġiel arrestati ftit ħin wara li wettqu serqa

Aqra wkoll

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tan-00.30am, il-Pulizija rċevew rapport dwar serqa minn ħanut fi Triq Birkirkara, San Ġwann.

Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li żewġt irġiel, armati b’arma li taqta u bil-ponta, daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 26 sena residenti l-Fgura. F’dak il-mument, il-kaxxier mbotta vetrina fuq l-aggressuri, iżda wieħed minnhom xejjer l-arma u laqat lill-ħaddiem f’idu qabel ma’ ħarbu jiġru minn fuq il-post.

Immedjatament bdew it-tfittxijiet u rriżulta li ż-żewġ suspettati kienu ħarbu b’vettura li kienet insterqet ftit tal-ħin qabel minn Ħal Qormi.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li ftit wara s-1.00am, waqt tfittxijiet fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, uffiċjali tal-Pulizija lemħu l-istess vettura pparkjata, b’żewġt irġiel fiha, li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħataw tal-persuni li allegatament wettqu s-serqa.

Raġel ta’ 51 sena residenti Santa Venera li kien fuq in-naħa tax-xufier u raġel ta’ 44 sena residenti Ħal Qormi ġew arrestati u fi tfittxijiet li saru, il-Pulizija sabet sikkina, ingwanti u diversi għodda.

Aktar tard il-kaxxier kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat Dr. Joseph Mifsud LL.D kien infurmat u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadħom għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport