Żewġt irġiel ġew arrestati meta waqt kontrolli tat-traffiku li saru lbieraħ, instabu fil-pussess tad-droga, allegatament lesti għat-traffikar.
Fl-ewwel każ, raġel ta’ 26 sena residenti ż-Żejtun, ġie arrestat waqt kontrolli tat-traffiku f’Dawret il-Gudja, il-Gudja. Waqt li kien qed jiġi mitkellem, ir-raġel deher jitfa’ xi ħaġa fuq isseat ta’ wara.
Minn tfittxija li saret fuqu u fil-vettura, instabu qratas b’sustanzi suspettati
ħaxixa tal-kannabis, MDMA, madwar 20 pillola suspettati ecstasy u qartas bi trab roża, kif ukoll tliet mobiles u flus kontanti.
Għaldaqstant, it-tfittxijiet komplew fir-residenza fejn jgħix fi Triq l-Isqof Antonia Zahra, iż-Żejtun. Hemmhekk il-Pulizija sabu grinders u boroż bi frak ta’ sustanza suspetata kannabis kif ukoll flus u arma tan-nar foloz.
Intant, aktar tard, waqt kontroll ieħor tat-traffiku fil-Bypass tal-Imrieħel, raġel ta’ 21 sena residenti Birkirkra, kien arrestat wara li qajjem suspett li seta għandu xi sustanzi illegali filkarozza.
Saret tfittxija u nstabu qratas b’sustanzi suspettati kannabis, kokaina, trab roża u
grinder. Ir-raġel ta’ 26 sena ser jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tas-1:00 p.m., quddiem il-Maġistrat Dr Elaine Rizzo LL.D, filwaqt li r-raġel l-ieħor mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi gejjin.

