Saturday, December 21, 2024

Żewġt irġiel arrestati waqt serqa minn sit ta’ kostruzzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena residenti s-Siġġiewi u ieħor ta’ 30 sena residenti l-Ħamrun, ġew arrestati wara rapport ta’ serqa f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il- Ġdida, Ħal Qormi.

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tan-nofsiegħa, il-Pulizija tad-Distrett irċevew telefonata b’informazzjoni li xi persuni daħlu f’residenza li qiegħda tinbena u qegħdin jisirqu. Minnufih, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, marru fuq il-post diversi vetturi tar-Rapid Intervention Unit u bdew tfittxijiet f’binjiet li qegħdin jinbnew fl-istess triq.

Quddiem waħda minn dawn ir-residenzi l-Pulizija nnutat vettura miftuħa, biċ-ċwievet fiha u mgħobbija b’ammont ta’ għodda tal-kostruzzjoni. Dan qajjem iktar suspett u għaldaqstant il-pulizija komplew ifittxu fl-akwati. Din it-tfittxija rriżultat fil-pożittiv hekk kif f’garaxxijiet ta’ binja fl-istess triq ġew arrestati ż-żewġt irġiel li kienu qed jistaħbew fid-dlam.

Minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vettura li intużat f’din is-serqa kellha mwaħħla pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ vettura oħra u l-liċenzja skaduta.

Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport