Monday, December 23, 2024

Żewġt irġiel barranin arrestati b’rabta ma’ serq minn residenzi fis-Swieqi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan, waslet għall-arrest ta’ żewġ persuni li matul il-lejl li għadda allegatament wettqu serqa minn residenzi privati fis-Swieqi.

Dalgħodu, għall-5:20 a.m, il-Pulizija ġew infurmati li hemm persuna suspettuża li daħlet f’residenza fi Triq il-Kejla, is-Swieqi.

Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru immedjatament fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 24 sena u arrestawh. Irriżulta ukoll li l-istess persuna kienet involuta f’serqa oħra minn residenza fl-istess triq.

Minn tfittxija li saret fuqu, instabu diversi oġġetti ta’ valur u flus kontanti li nsterqu minn dawn ir-residenzi. Il-persuna arrestata kienet ukoll fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga.

Minn iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett, ġiet identifikata persuna oħra allegatament involuta f’dawn is-serqiet. F’ħidma kordinata bejn tad-Distrett u RIU, ġie arrestat raġel f’residenza fil-Fgura. Waqt tfittxija li saret instabu oġġetti oħra li nsterqu mis-Swieqi.

Iż-żewġ irġiel barranin qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il- Furjana.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Ekonomija

Sport