Friday, December 20, 2024

Żewġt irġiel fil-Qorti wara sejba ta’ 34 kilo kannabis

Aqra wkoll

Żewġt irġiel Maltin tressqu l-Qorti b’rabta ma’ sejba ta’ madwar 34 kilo droga suspettata kannabis sabiex tkun ittraffikata, bil-valur tagħha fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €700,000.

L-arrest tagħhom saru wara jiem ta’ osservazzjoni fuq persuni suspettati li kienu qegħdin idaħħlu d-droga f’Malta minn Sqallija u li kien qiegħed jintuża garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.

Tard is-Sibt filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit segwew vann li kien għadu kemm niżel Malta minn Sqallija.

Il-vann imbagħad daħal f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ u ftit wara mill-istess post ħarġu żewġ karozzi li ġew iċċirkondati mill-ewwel u ġew arrestati żewġt irġiel. 

Malli l-Pulizija fetħu l-vann, instab basket li fih kien hemm mat-€300,000 fi flus kontanti. Minħabba suspett li fil-vettura seta’ kien hemm kompartamenti foloz, il-Pulizija żarmaw il-ħadid u kien hawn li nstabet id-droga f’diversi boroż.

Iż-żewġt irġiel, ta’ 39 u 36 sena, tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mixlija b’assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess ta’ droga mhux għall-użu personali u ħasil ta’ flus fost oħrajn. 

Ekonomija

Sport