Sunday, November 24, 2024

Żewġt irġiel ħatja li użaw Blue Badges foloz

Aqra wkoll

Żewġt irġiel ġew immultati €250 kull wieħed wara li nhar il-Ħamis 17 ta’ Frar 2022 instabu ħatja separatament illi għamlu użu minn kopji ta’ Blue Badges li kienu nħarġu lill-ġenituri tagħhom.

Fl-ewwel każ, raġel ta’ 20 sena mis-Swieqi nqabad juża Blue Badge falza hekk kif uffiċċjali tal-Pulizija li kienu għaddejjin bir-ronda f’San Ġiljan issuspettaw li l-Blue Badge murija fil-vettura tar-raġel ipparkjata fuq post riservat għal min għandu l-Blue Badge, setgħet kienet falza. Wara aktar investigazzjonijiet b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) irriżulta li l-Blue Badge kienet tabilħaqq falza peress li kienet kopja bid-data mbagħbsa u li l-oriġinali kienet inħarġet lil omm l-individwu.

Fit-tieni każ, is-CRPD irċeviet rapport mill-pubbliku illi persuna li mad-daqqa t’għajn ma tidhirx li għandha diżabbiltà kienet qed tuża Blue Badge. L-uffiċjali tal-Infurzar tas-CRPD marru fuq il-post u nnutaw li l-Blue Badge użata kienet irrappurtata li kienet misruqa jew mitlufa. Wara li sar rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan, ġie stabbilit li l-Blue Badge li kien qed juża raġel ta’ 37 sena minn Tas-Sliema kienet bid-data mbagħbsa ta’ dik li nħarġet lill-missieru u li ġiet irrapurtata misruqa jew mitlufa lill-Pulizija stess.

Fiż-żewġ każijiet, fejn il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Spettur Leeroy Balzan Engerer, il-Maġistrat Ian Farrugia sab lill-akkużati ħatja u kkundannahom iħallsu multa ta’ €250 kull wieħed.

B’reazzjoni, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilit  Samantha Pace Gasan stqarret illi “dawn iż-żewġ sentenzi jawguraw tajjeb għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilit  għaliex is-Soċjetà Maltija, inkluż permezz tal-ġustizzja, qegħda tifhem aktar l-importanza li l-persuni b’diżabbiltà jkunu rispettati u meqjusa bħala ċittadini ndaqs u li ma jintużawx bħala paraventu biex wieħed jikseb xi vantaġġ mis-sitwazzjoni tagħhom. Nixtieq nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija tal-koperazzjoni mas-CRPD fejn flimkien qed jirnexxilna nnaqsu l-abbuż mill-użu tal-Blue Badge”.

Sport