Żewġt irġiel li erba’ xhur ilu ammettew għal sensiela ta’ serq minn pompa tal-petrol f’Santa Venera tpoġġew taħt probation.
Maverick Vella ta’ 21 sena u Abraham Grima ta’ 31 sena, it-tnejn li huma minn Ħal Qormi, tressqu taħt arrest erba’ xhur ilu fejn ġew mixlijin b’sensiela ta’ serq li allegatament twettqu fuq medda ta’ jumejn f’Ġunju.
Il-Qorti semgħet kif iż-żewġt irġiel kienu jdaħħlu flus kontanti fil-magna tal-pompa tal-petrol, jagħtu l-fjuwil, u wara jerġgħu jiġbdu lura l-karti tal-flus permezz ta’ tejp imwaħħal magħhom.
Is-somma li allegatament insterqet fi fjuwil kienet tammonta għal €232.94.
Huma ammettew l-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom, u anke reġgħu kkonfermaw il-ħtija tagħhom wara li ġew imwissijin mill-Qorti u ngħataw żmien biex jirrikunsidraw il-pożizzjoni tagħhom.
Vella waħdu kien mixli li kien saq vettura tat-tip Tata Indica b’numi ta’ reġistrazzjoni foloz, mingħar liċenzja u mingħajr polza tal-assigurazzjoni.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kienet laqgħet it-talba tal-avukati tal-akkużati għal rapporti qabel tingħata s-sentenza.
Uffiċjal tal-probation irrapporta li Vella kien jeħtieġ li jaħdem fuq id-diffikultajiet personali tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aspett finanzjarju.
Assessjar psikjatriku kien anke rakomandat biex jiġi fformulat pjan ta’ għajnuna għall-problemi personali u emotivi tar-raġel.
Min-naħa l-oħra fir-rigward ta’ Grima, ir-rapport kien jgħid li l-akkużat kellu diversi rekords kriminali, bl-ewwel każ imur lura għall-1999 u fejn sal-2019 kien instab ħati f’ħames ċirkostanzi.
L-uffiċjal tal-probation irrakkomandat trattament proffessjonali biex jiġu indirizzati l-problemi personali tar-raġel, b’mod partikolari t-tendenza tiegħu li jsegwi dak li jagħmlu persuni oħrajn.
Għaldaqstant abbażi ta’ dawn ir-rapporti l-Qorti poġġiet lill-akkużati taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin, u wissithom li jkun hemm riperkussjonijiet jekk jiksru l-kundizzjonijiet imposti lilhom.
Separatament, Vella huwa pprojbit li jsuq għal 12-il xahar, filwaqt li Grima tpoġġa taħt ordni ta’ kura għal tliet snin.
Il-Qorti ordnat ukoll li tiġi kkonfiskata l-vettura.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea, bl-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia jirrappreżentaw lil Vella, filwaqt li Grima kien assisti mill-avukat Michele Cardinali.