Il-pulizija qiegħda tinvestiga dwar serqa li seħħet is-Sibt għall-ħabta ta’ 11:45 p.m f’ħanut fi Triq J. Quintinus f’San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn minn stħarriġ illi sar irriżulta li żewġt irġiel mgħammda u armati b’sikkina, daħlu fil-ħanut u talbu lill-kaxxiera tgħaddilom il-flus. L-allegati ħallelin ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
Il-kaxxiera kif ukoll żewġ persuni li kienu fil-ħanut waqt is-serqa ma’ sofrew l-ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.