Friday, November 15, 2024

Żewġt irġiel jispiċċaw il-Qorti wara argument jaħraq fix-Xagħra

Aqra wkoll

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 34 sena u ieħor ta’ 60 sena, it-tnejn residenti x-Xagħra, Għawdex, aktar kmieni llum tressqu taħt arrest il-Qorti ta’ Għawdex wara li kienu nvoluti f’argument bejniethom.  

Ir-raġel ta’ 34 sena ġie akkużat talli nhar it-30 ta’ Ġunju, 2020, waqt li kien fi Triq Liberat Grech, x-Xagħra Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lir-raġel ta’ 60 sena, għamel ħsara fuq vettura Kia u talli saq vettura tal-għamla Citroen b’manjiera bla kont, traskurat u perikoluż. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-buon ordni, li ħebb u hedded lil persuna l-oħra b’xi oġġetti, talli żam fuqu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-permess tal-Kummissarju, talli wettaq reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti u talli kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. 

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ir-raġel l-ieħor, ta’ 60 sena, ġie akkużat illi nhar it-30 ta’ Ġunju, 2020, waqt li kien fi Triq Liberat Grech, x-Xagħra Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lir-raġel ta’ 34 sena, li għamel ħsara fuq vettura Citroen, li kiser il-buon ordni u talli ħebb u hedded lir-raġel l-ieħor ta’ 34 sena b’xi oġġetti.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci. 

Ekonomija

Sport