Saturday, December 14, 2024

Żewġt irġiel jitressqu l-Qorti wara allegat ġlieda f’bar fil-Belt

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum waranofsinhar, quddiem il-Qorti tressqu żewġt irġiel li ġew akkużati li ġġieldu u ħebbu għal xulxin f’bar fil-Belt Valletta. L-allegat ġlieda seħħet ilbieraħ għall-ħabta tas-2.30pm.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ġlieda bdiet fuq barra tal-bar, imbgħad komplew jiġġildu ġewwa u wara reġgħu ħarġu barra jiġġieldu.

L-ewwel akkużat hu Wayne Falzon ta’ 37 sena residenti Birkirkara fejn hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Allegatament Falzon kien fil-bar meta t-tieni akkużat waqaf bil-karozza tiegħu quddiem il-bar u minn hawnhekk qamet kommossjoni.

Falzon f’din l-allegat ġlieda sofra ġrieħi ħfief f’wiċċu u talab għal għajnuna medika fuq il-post stess fejn u anke ġie arrestat fuq il-post.

Dr Nicholas Mifsud l-avukat difensur ta’ Falzon talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni kbira mill-prosekuzzjoni. Huma qalu li għad hemm numru ta’ xhieda li għad iridu jixhdu.

Min-naħa tiegħu l-avukat Mifsud qal li l-akbar prova huwa l-filmat tas-sigurtà u għalhekk dan hu f’idejn il-pulizija diġà.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Falzon jibqa’ jinżamm arrestat.

It-tieni akkużat li tressaq dwar dan il-każ hu Morat Abdikadir Mohammed Naswan, Libjan ta’ 32 sena u li joqgħod il-Belt Valletta.

Il-prosekuzzjoni qalet li hu għandu l-liċenzja sospiża, iżda minkejja dan xorta kien qed isuq. Akkużatu li waqaf quddiem il-bar li fih kien hemm l-ewwel imputat u ħebb għalih.

Il-Libjan ħarab minn fuq il-post u mar il-polyclinic tal-Furjana fejn hemmhekk ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Għal Naswan deher l-avukat Franco Debono fejn ikkontesta l-validità tal-arrest. Hu talab lill-Qorti biex l-Ispettur jitla’ jixhed fil-preżentata. Kien hawn li l-Ispettur Kevin Pulis tela’ jixhed u qal x’wassal għall-arrest tal-Libjan. Wara li l-Ispettur ta d-dettalji kollha, Franco Debono ma baqax jikkontesta l-arrest.

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hemm fil-konfront tiegħu li jinkludu l-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest ta’ erba’ każijiet differenti u apparti hekk saret talba għall-ħelsien mill-arrest min-naħa tad-difiża, liem talba wkoll ġiet oġġezzjonata.

Fil-każ ta’ Morat Naswan, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ukoll.

Ekonomija

Sport