Il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex żewġt irġiel ta’ 28 u 41 sena, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana, fuq każijiet separati.
Ir-raġel ta’ 28 sena, residenti n-Nadur, Għawdex, ġie akkużat li nhar it-2 t’ Awwissu, 2020, għall-ħabta tal-5:00 a.m, waqt li kien fi Triq ir-Rebħa, f’Għajnsielem, Għawdex, qiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu u kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq żewġ persuni ta’ 24 u 43 sena rispettivament. Hu ġie akkużat ukoll li kkaġuna ħsara fuq propjetà (apparat ta’ komunikazzjoni eletronika) ta’ wieħed mill-irġiel u li kiser il-paċi pubblika.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Ir-raġel ta’ 41 sena ta’ nazzjonalità Spanjola u residenti n-Nadur, Għawdex, ġie akkużat talli nhar it-2 t’Awwissu, 2020, fi Triq ir-Rokon, San Lawrenz, Għawdex, ta fastidju sesswali lil ġuvni mingħajr il- kunsens tiegħu.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie kkundannat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin.
Il-prosekuzzjoni fl-ewwel każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri filwaqt li t-tieni każ il- prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri u Roxanne Tabone.