Żewġt irġiel Libjani ġew arrestati wara investigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga f’Għawdex.
Fis-sigħat li għaddew, il-pulizija segwew liż-żewġ persuni – ta’ 36 sena u 35 sena – fejn allegatament ġew osservati jgħaddu xi pakketti lil individwi oħra.

Huma ġew arrestati f’residenza fi Triq il-Wied, Marsalforn, limiti taż-Żebbuġ, Għawdex. Minn tfittxija li saret f’din ir-residenza, instabu diversi pakketti mimlija sustanza bajda, suspettata droga kokaina, b’valur fis-suq ta’ ‘il fuq minn €5,000. Ġew elevati wkoll madwar €4,000 fi flus kontanti, flimkien ma’ diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
L-irġiel qegħdin jinżammu arrestati u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem illi ġejjin. Il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D qed tmexxi inkejsta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.